Konsultazzjoni pubblika dwar il-Viżjoni għall-Iżvilupp Sostenibbli 2050

Fil-laqgħa tal-Core Group tal-MEUSAC, il-Ministru Josè Herrera nieda konsultazzjoni pubblika dwar il-Viżjoni għall-Iżvilupp Sostenibbli għall-Gżejjer Maltin għall-2050, żvilupp sostenibbli li jiżgura li l-pass ta’ żvilupp preżenti jinżamm stabbli u anke jitkattar mingħajr ma joħnoq l-opportunitajiet għall-ġenerazzjonijiet futuri. Il-kelma żvilupp fit-terminu żvilupp sostenibbli ma tfissirx biss żvilupp fiżiku iżda kull forma ta’ żvilupp sew jekk hu ta’ natura ekonomika, soċjali jew ambjentali.

“Din il-viżjoni għalhekk tistabbilixxi prinċipji li jirriflettu lil Malta li rridu naraw fil-futur filwaqt li tistipula l-aspirazzjonijiet u l-prijoritajiet tagħna għall-integrazzjoni tal-iżvilupp sostenibbli sas-sena 2050”. Il-Ministru Herrera spjega li din il-viżjoni se tintuża bħala pjattaforma biex fuqha titfassal strateġija u pjan ta’ azzjoni b’miri strateġiċi speċifiċi li jridu jiġu attwati fuq medda ta’ żmien qasir, medju u fit-tul. Kemm il-viżjoni u l-istrateġija jinbnew fil-kuntest tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Magħquda.

Il-Ministru Helena Dalli qalet li t-temi u s-suġġetti li tkopri din il-viżjoni huma dawk li jitkellmu dwarhom in-nies. Bħala eżempju semmiet in-numru ta’ konsultazzjonijiet maċ-ċittadini li qed jiġu organizzati mill-MEUSAC u li fihom in-nies titkellem ħafna dwar is-sostenibbiltà tal-iżvilupp ta’ pajjiżna. Fuq hekk, kulħadd għandu jkollu interess, għax jolqtu kull familja u kull persuna, waqt li kulħadd jista’ jagħti sehmu biex din is-sostenibbiltà tintlaħaq, qalet il-Ministru Dalli.

Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia fisser din il-viżjoni bħala ambizzjuża u li tħares fit-tul lejn kif Malta se tikber fis-snin li ġejjin f’kuntest ta’ bidliet nazzjonali u globali. Spjega wkoll li l-fondi Ewropej se jkunu qed isostnu l-implimentazzjoni ta’ din il-viżjoni, b’miljuni investiti f’setturi bħall-enerġija u l-ilma u l-iżvilupp urban fil-perjodu attwali li jwassal sal-2020 waqt li għaddejjin negozjati biex il-viżjoni 2050 tidħol fil-programm tal-budget Ewropew għall-perjodu 2021-2027.

Il-Kap tal-MEUSAC Dr Vanni Xuereb spjega li diġà saret konsultazzjoni dwar din il-viżjoni ma’ setturi differenti tas-soċjetà, b’diversi laqgħat tal-kumitati settorali tal-MEUSAC, u issa jmiss konsultazzjoni pubblika li se twassal sal-aħħar ta’ Novembru. Hu żied li l-konsultazzjoni se tissokta matul is-sena d-dieħla meta l-istess strateġija up ta’ azzjoni jkunu qed jiġu mfassla.

Tista’ taqra l-Viżjoni ta’ Malta għall-Iżvilupp Sostenibbli 2050 u twieġeb għall-konsultazzjoni onlajn billi tagħfas hawn.

« Back