Għal Ewropa aktar Soċjali – Konsultazzjoni maċ-ċittadini tal-UE

Artiklu miktub minn James Azzopardi – Uffiċjal Esekuttiv, MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 15.10.18

F’dawn l-aħħar snin, fl-Unjoni Ewropea (UE) inħass il-bżonn li d-deċiżjonijiet li jittieħdu fl-istituzzjonijiet ewlenin tal-UE u li jaffettwaw il-ħajjiet ta’ miljuni ta’ ċittadini Ewropej, jittieħdu bis-sehem akbar tal-istess ċittadini. Dan jista’ jsir billi ċ-ċittadini jingħataw iktar widen u iktar opportunità li jsemmgħu t-tħassib, l-aspirazzjonijiet u l-ideat tagħhom dwar x’Unjoni jixtiequ li jkollhom fil-futur. Dan il-bżonn inħass aktar fl-aħħar snin b’mod partikolari minħabba żviluppi li ġraw u li bdew ipoġġu l-futur tal-UE taħt il-lenti; fost dawn insemmu l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, iż-żieda fil-voti għal partiti estremisti u populisti tal-lemin, il-kwistjoni dwar l-immigrazzjoni, u t-tfittxija għar-rwol tal-UE fir-relazzjonijiet internazzjonali.

Fuq inizjattiva tal-President Franċiż, Emmanuel Macron, madwar l-Istati Membri tal-UE tnieda eżerċizzju ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi għaċ-ċittadini b’temi marbuta mal-futur tal-UE; konsultazzjonijiet li qegħdin isiru f’Malta wkoll, permezz tal-MEUSAC u l-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza.

Il-laqgħa li jmiss, li se tkun organizzata nhar il-25 ta’ Ottubru 2018, se tittratta propju suġġett li jolqot liċ-ċittadini tal-UE b’mod tanġibbli: l-iżvilupp soċjali. Dan l-aspett importanti għall-ħajja taċ-ċittadini Ewropej beda jkun aktar fiċ-ċentru tad-diskussjoni dwar il-futur tal-Ewropa minħabba li l-UE  qiegħda tiġi kkritikata li qiegħda tiffoka aktar fuq is-settur ekonomiku u l-ftehimiet kummerċjali, milli fuq il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini nfushom.

L-iżvilupp soċjali jinkorpora ħafna aspetti li jagħmlu parti mill-ħajja ta’ kuljum, fosthom l-impjiegi, is-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, is-saħħa, u l-ugwaljanza bejn is-sessi. Jista’ jkun li l-UE mhux tagħmel biżżejjed f’dawn l-oqsma tant importanti, u jista’ jkun li ċ-ċittadini jixtiquha tagħmel iktar.

L-UE diġà għenet biex isir titjib siewi f’dawn is-setturi msemmija. Wieħed jista’ jsemmi d-direttivi jew regolamenti li jipproteġu lill-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol tagħhom, jew anki dawk li jiżguraw li l-ikel li nieklu lkoll jkun adattat għalina u ma jagħmilx ħsara lil saħħitna.

Tajjeb li wieħed jifhem ukoll li f’bosta minn dawn is-setturi, l-UE tagħraf li għandhom ikunu fil-kompetenza tal-Istati Membri. Għalhekk, ħafna drabi l-UE tissuġġerixxi u tagħti linji gwida għal kif l-Istati Membri jistgħu jixprunaw dawn is-setturi. Fosthom, nistgħu nsemmu l-għanijiet imfassla fl-Istrateġija Ewropa 2020: strateġija li stabbiliet diversi miri għall-Istati Membri  f’setturi bħall-impjiegi, l-ambjent u s-sostenibbiltà. Magħqudin ma’ politiki oħra tal-UE, dawn l-għanijiet jistgħu jkunu milħuqa mill-Membri b’metodi li l-aktar jgħoddu għalihom.

Bl-istess mod, Stat Membru dejjem jista’ jtejjeb bosta setturi soċjali oħrajn. Partikolarment fejn jidħol is-settur tal-ugwaljanza bejn is-sessi, għad baqa’ ħafna xi jsir f’bosta pajjiżi kif hu mniżżel ukoll f’rapport tal-Kummissjoni Ewropea (2018 Report on equality between women and men in the EU).  Minkejja dan, ir-rapport isemmi li f’Malta, fl-2017 il-Gvern saħħaħ is-servizz taċ-childcare b’xejn għal ġenituri li jaħdmu jew li qed jistudjaw, u kif ukoll jagħmel aċċenn għall-Breakfast Club, sistema li permezz tagħha, ġenituri jkunu jistgħu jwasslu lil uliedhom l-iskola sa siegħa qabel ma tibda l-iskola, u b’hekk tiżdied il-flessibiltà għall-ġenituri li jaħdmu.

Id-diskussjoni dwar l-importanza tal-aspett soċjali fl-UE ilha għaddejja għal dawn l-aħħar snin, u aktar ma jmur, aktar l-UE qiegħda tagħraf li għandha tpoġġi liċ-ċittadini u l-interessi  tagħhom aktar fil-qalba tal-prijoritajiet tal-ħidma tagħha. F’dinja fejn is-swieq tax-xogħol u l-għamliet tas-soċjetajiet qed jinbidlu b’rata mgħaġġla, din il-prijorità hija aktar minn meħtieġa.

L-inklużjoni soċjali kienet waħda mill-prijoritajiet tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-UE fl-ewwel sitt xhur tal-2017. Malta mexxiet ’il quddiem, pereżempju l-Att Ewropew dwar l-Aċċessibiltà, biex prodotti u servizzi fl-UE jsiru aktar aċċessibbli għal persuni b’diżabilità. Fil-Presidenza bdew id-diskussjonijiet fuq il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, mibni fuq tliet prinċipji ewlenin: l-opportunitajiet indaqs u l-aċċess għas-suq tax-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, u l-protezzjoni soċjali u l-inklużjoni.

F’April 2017, il-Kummissjoni ppublikat sensiela ta’ dokumenti ta’ riflessjoni dwar il-Futur tal-UE. Wieħed minn dawn id-dokumenti jittratta propju d-dimensjoni soċjali tal-UE, fejn l-Istati Membri ngħataw l-opportunità jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar il-futur kollettiv ta’ dan is-settur fl-ambitu tal-UE. Fil-fatt, l-iskop ta’ din id-diskussjoni kienet propju dwar kif il-Membri tal-UE għandhom iwittu t-triq għall-futur fejn jidħol id-djalogu soċjali.

Dan l-aspett kien diskuss ukoll mill-mexxejja tal-Istati Membri tal-UE matul is-sena li għaddiet. Din id-diskussjoni wasslet għall-adozzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali f’Novembru 2017, ġewwa l-belt Żvediża ta’ Gotheborg.

Skont il-Kummissjoni Ewropea, dan il-Pilastru hu msejjes biex jaġevola “t-twassil ta’ drittijiet ġodda u aktar effettivi għaċ-ċittadini”. Fit-tliet kategoriji tiegħu, il-Pilastru jiġbor fih numru ta’ temi li tassew jaffettwaw lil kull wieħed u waħda minna; opportunitajiet ugwali u aċċess għas-suq tax-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, u; protezzjoni u inklużjoni soċjali.

Propju minħabba l-bidliet li għaddejja minnhom id-dinja tad-drittijiet soċjali, iċ-ċittadini Ewropej jistennew li jkunu mħarsa bi drittijiet soċjali li jgħinuhom jaffaċċjaw l-opportunitajiet u l-isfidi ġodda li toffri l-ħajja tal-lum.

Temi bħal dawn u oħrajn se jiġu diskussi f’laqgħa ta’ konsultazzjoni fil-25 ta’ Ottubru, 2018, fl-Iskola Primarja B, Kulleġġ Santa Margerita, Triq l-Iskola, Ħaż-Żabbar, fis-18:00. Għal aktar informazzjoni u jekk tixtieq tipparteċipa f’din il-konsultazzjoni, tista’ tibgħat email fuq consult.meusac@gov.mt jew iċċempel lill-MEUSAC fuq 2200 3300.

« Back