Il-mument tas-sovranità Ewropea – Id-diskors ta’ Juncker dwar l-Istat tal-UE

Artiklu miktub minn Vanni Xuereb – Kap tal-MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 17.09.18

Fl-2010, wara l-bidliet li seħħew fl-Unjoni Ewropea (UE) grazzi għat-Trattat ta’ Liżbona, għall-ewwel darba fl-istorja tal-UE, il-President tal-Kummissjoni Ewropea beda jagħmel dak li jissejjaħ id-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni Ewropea. L-ewwel wieħed kien sar minn José Manuel Barroso fis-7 ta’ Settembru ta’ dik is-sena.

Id-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni jsir fil-Parlament Ewropew (PE) quddiem il-membri eletti miċ-ċittadini tat-28 Stat Membru li wara jkollhom l-opprtunità li jagħmlu l-kummenti tagħhom dwar dak li jkunu semgħu. Id-diskors li għamel Jean-Claude Juncker nhar l-Erbgħa li għadda kien l-aħħar Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni bħala President tal-Kummissjoni peress li fit-tieni nofs tas-sena d-dieħla, wara li jkunu saru l-elezzjonijiet għall-membri tal-Parlament Ewropew f’Mejju, issir il-ħatra ta’ president ġdid u tal-membri l-oħra tal-Kummissjoni Ewropea.

Il-President tal-Kummissjoni jiġi elett mill-PE fuq proposta tal-Kunsill Ewropew. Dan il-kunsill ilaqqa’ flimkien il-kapijiet ta’ Stat jew Gvern tal-pajjiżi membri tal-UE. Il-ħatra tal-membri l-oħra tal-Kummissjoni teħtieġ l-approvazzjoni tal-PE li għandu s-setgħa wkoll li jgħaddi vot ta’ sfiduċja fil-Kummissjoni.

Lura għad-diskors ta’ Juncker. Għalkemm il-President tal-Kummissjoni għamilha ċara li dan ma kienx diskors li fih kien qed jiddikjara x’ried iħalli bħala wirt tiegħu lill-UE, kien hemm bosta elementi ta’ dan. Fl-ewwel parti tad-diskors, hu ta ħarsa lejn l-istat tal-Unjoni llum. Beda billi semma’ kif l-ekonomija tal-Unjoni Ewropea kibret għal 21 trimestru konsekuttiv u kif kważi 12-il miljun impjieg ġdid inħolqu mill-2014 filwaqt li l-qgħad fost iż-żgħażagħ, għalkemm “għadu għoli wisq”, jinsab fl-aktar livell baxx mis-sena 2000.

Il-President Juncker semma ż-żieda fl-investiment u l-fatt li l-Greċja reġgħet qamet fuq saqajha. Enfasizza wkoll kif l-Ewropa reġgħet affermat il-pożizzjoni tagħha bħala qawwa kummerċjali mondjali. L-UE illum għandha ftehimiet kummerċjali ma’ 70 pajjiż u b’kollox, tirrappreżenta 40% tal-Prodott Domestiku Gross tad-dinja.

Fit-tieni parti tad-diskors, il-President tal-Kummissjoni rrefera għall-isfidi li l-UE tiffaċċja minn barra u kif quddiem dawn l-isfidi li dejjem jiżdiedu, “ma nistgħux nieqfu mqar għal sekonda fl-isforzi tagħna biex naħdmu għal Ewropea aktar magħquda.” Fil-fatt, Juncker sejjaħ dan il-mument bħala wieħed “tas-sovranità Ewropea”.

“Id-dinja tal-lum teħtieġ Ewropa b’saħħitha u magħquda … Ewropa li taħdem għall-paċi, għall-ftehimiet kummerċjali u għal relazzjonijiet stabbli fil-munita”.

Żied jgħid li din “is-sovranità Ewropea ġejja mis-sovranità nazzjonali tal-Istati Membri tagħna. Hija ma tissostitwixxix dak li hu speċifiku għan-nazzjonijiet. Il-kondiviżjoni tas-sovranitajiet tagħna  – fejn jenħtieġ li nagħmlu dan – tagħmel kull wieħed mill-istati nazzjon tagħna aktar b’saħħtu.”

Fl-aħħar parti tad-diskors tiegħu, il-President Juncker elenka l-programm tal-Kummissjoni sat-tmiem tal-mandat lejn l-aħħar tas-sena d-dieħla. Fost dawn insibu:

  • It-tlestija tal-Unjoni tas-Sigurtà b’regoli ġodda kontra l-propaganda terroristika, biex jindirizzaw b’mod effettiv il-ħasil tal-flus bejn il-fruntieri, biex tissalvagwardja l-proċessi demokratiċi tagħna kontra l-manipulazzjoni minn pajjiżi terzi, u t-tisħiħ tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew.
  • It-tisħiħ tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u tal-Aġenzija Ewropea għall-Ażil (ibbażata f’Malta) filwaqt li jitħaffef il-proċess tar-ritorn tal-migranti irregolari.
  • Il-ħolqien ta’ alleanza ġdida bejn l-Afrika u l-Ewropa: sħubija ekonomika bejn sħab indaqs li jwassal għal ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn iż-żewġ kontinenti.
  • Ir-ratifika tal-ftehim ta’ sħubija bejn l-UE u l-Ġappun.
  • Ftehim fil-prinċipju dwar il-baġit tal-Unjoni Ewropea wara l-2020.
  • Il-ħtieġa li niżviluppaw aktar ir-rwol internazzjonali tal-ewro.
  • It-tisħiħ fil-kapaċità tal-UE li titkellem b’vuċi waħda fejn tidħol il-politika barranija permezz tat-teħid ta’ deċizjonijiet b’maġġoranza kwalifikata f’oqsma speċifiċi li huma d-drittijiet tal-bniedem, il-missjonijiet ċivili u oħrajn.
  • Il-ħarsien tas-saltna tad-dritt u tal-libertà tal-istampa.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea temm id-diskors tiegħu billi aċċenna għall-isfida tan-“nazzjonaliżmu” f’diversi Stati Membri: “Min iħobb lill-Ewropa jrid iħobb lin-nazzjonijiet tagħha, min iħobb lil pajjiżu jrid iħobb lill-Ewropa. Il-patrijottiżmu huwa virtù, in-nazzjonaliżmu stinat huwa ġidba faħxija u velenu dannuż”.

« Back