Il-Futur tal-Biedja: Konsultazzjoni maċ-ċittadini tal-UE

Artiklu miktub minn Mark Abdilla – Uffiċjal Esekuttiv, MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 03.09.18

Bħalissa l-Ewropa għaddejja minn perjodu ta’ taqlib politiku li qed iqajjem diversi sfidi għall-Unjoni Ewropea (UE) bħall-kwistjoni tal-immigrazzjoni u l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE. Minbarra dan, diversi drabi nisimgħu l-akkuża li ssir ta’ spiss li l-UE u l-istituzzjonijiet tagħha huma maqtugħin miċ-ċittadin. Għalhekk, tinħass il-ħtieġa li l-UE ssir eqreb taċ-ċittadini tagħha, billi fost l-oħrajn tinvolvihom aktar fit-teħid tad-deċiżjonijiet, b’mod trasparenti, inklussiv u demokratiku. Fl-istess waqt, iċ-ċittadini jkunu jistgħu jifhmu aħjar il-ħidma tal-istituzzjonijiet Ewropej u kif dawn jolqtu l-ħajja ta’ kuljum tagħhom.

Għal dan il-għan bdiet l-inizjattiva tal-Konsultazzjonijiet maċ-Ċittadini tal-UE, li oriġinarjament ġiet proposta mill-President ta’ Franza, Emmanuel Macron u li eventwalment intlaqgħet minn 27 Stat Membru, inkluż Malta. Ir-Renju Unit mhuwiex ser jipparteċipa f’dan l-eżerċizzju, minħabba l-fatt li dan il-pajjiż hu mistenni jtemm is-sħubija tiegħu mal-UE f’Marzu tas-sena d-dieħla. L-għan wara din l-inizjattiva hu li ċ-ċittadini Ewropej jingħataw l-opportunità li jitkellmu dwar dawk is-suġġetti li huma ta’ interess għalihom, u jagħtu l-opinjonijiet tagħhom fuq il-ħidma tal-UE f’dawn l-oqsma. Dan isir bi proċess ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni differenti u jitratta diversi temi.

F’Malta, il-MEUSAC, li bħala aġenzija tal-gvern għandha proprju bħala missjoni tagħha dik li tgħaqqad liċ-ċitttadini mal-UE, ġiet inkarigata biex torganizza dawn il-konsultazzjonijiet u, flimkien mal-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza, diġà nediet dan il-proċess bit-titlu ‘Għid Tiegħek Dwar l-Ewropa’ fil-bidu tas-sajf. Laqgħa li saret fil-31 ta’ Lulju serviet bħala introduzzjoni għall-miri ta’ din l-inizjattiva, u pprovdiet opportunità lil dawk li attendew sabiex jiddiskutu diversi temi ma’ rappreżentanti Maltin fit-tliet istituzzjonijiet tal-UE, jiġifieri l-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, u l-Kunsill tal-UE.

Fil-ġimgħat li ġejjin il-konsultazzjoni se tkompli b’serje ta’ laqgħat iffukati fuq setturi differenti. Il-laqgħa li jmiss se ssir nhar l-Erbgħa, 5 ta’ Settembru u ser tkun qed tiffoka fuq il-futur tal-biedja. Dan is-suġġett hu ta’ importanza u interess għaċ-ċittadini Maltin, b’mod partikolari ta’ dawk li jaħdmu fis-settur tal-agrikoltura. Għaldaqstant, il-parteċipanti se jkollhom l-opportunità li jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar is-suġġett kemm fuq il-livell nazzjonali, u dak Ewropew. Laqgħa oħra bl-istess suġġett se ssir fli-kampus tal-Università ta’ Malta f’ Għawdex fis-27 ta’ Settembru, fis-6.00pm.

Il-konklużjonijiet ta’ din il-laqgħa ta’ konsultazzjoni, kif ukoll tal-laqgħat li se jsegwuha, ser jiffurmaw parti minn eżerċizzju wiesa’ li fih jinġabru l-opinjonijiet taċ-ċittadini Ewropej dwar il-Futur tal-Ewropa mingħajr ir-Renju Unit. Dawn il-proċessi kollha bdew fuq livell Ewropew bħala risposta għar-riżultat tar-referendum fir-Renju Unit, fejn iċ-ċittadini tar-Renju Unit ivvutaw sabiex tintemm is-sħubija mal-UE. Dan wassal lill-UE biex tagħmel eżerċizzju ta’ evalwazzjoni u tħares lejn futur ta’ 27 Stat Membru.

Fil-fatt, dan l-eżerċizzju mhux xi ħaġa ġdida għall-MEUSAC. Għal dawn l-aħħar 10 snin, il-MEUSAC organizza mijiet ta’ konsultazzjonijiet fuq diversi suġġetti relatati mal-politika u l-leġiżlazzjoni tal-UE, kemm permezz tal-Core Group u wkoll permezz tal-kumitati settorjali. Barra minn hekk saru diversi laqgħat ma’ partijiet interessati fuq suġġetti ta’ importanza għall-UE, fosthom seminars li saru s-sena l-oħra b’rabta mad-dokumenti tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Futur tal-Ewropa bħall-finanzi Ewropej, id-dimensjoni soċjali tal-UE, kif ukoll il-globalizzazzjoni.

Il-laqgħa ta’ konsultazzjoni dwar il-futur tal-biedja li se ssir fil-5 ta’ Settembru f’Malta, tibda fis-6.00pm u se tinżamm fiċ-Ċentru Nazzjonali għall-Informazzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ilma, Għajn, fir-Rabat. Il-pubbliku hu mistieden biex jirriserva post billi jikkuntattja lill-MEUSAC bit-telefon fuq 2200 3300 jew bl-email info.meusac@gov.mt.

« Back