Proposti tal-UE għal iktar bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata

Artiklu miktub minn Mauro Abela – Uffiċjal Esekuttiv, MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 20.08.18

F’dawn l-aħħar snin, l-Unjoni Ewropea (UE) ħadet inizjattivi biex tagħti drittijiet aktar effettivi liċ-ċittadini u ssaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-Unjoni. Waħda minn dawn l-inizjattivi kienet il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali li nediet il-Kummissjoni Ewropea (KE) s-sena l-oħra.

Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali huwa ġabra ta’ prinċipji u drittijiet li jappoġġjaw is-swieq tax-xogħol u sistemi ta’ assistenza soċjali ġusti u li jaħdmu tajjeb. L-għan ewlieni tal-Pilastru hu li jservi ta’ gwida għall-Istati Membri tal-UE fil-qasam soċjali u hu mibni fuq għoxrin prinċipju li jkopru l-aċċess indaqs għas-suq tax-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.

Waħda mill-inizjattivi taħt dan il-Pilastru hija l-proposta għal Direttiva mressqa mill-KE dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u carers. L-għan ewlieni ta’ din il-proposta huwa li tipprovdi drittijiet aħjar għan-nisa kif ukoll għall-irġiel, billi tippromwovi bilanċ tajjeb bejn l-impenji tal-familja u dawk professjonali u tagħti opportunitajiet aktar indaqs lin-nisa u l-irġiel fuq il-post tax-xogħol u d-dar.

Ta’ min wieħed isemmi li l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel huwa wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-UE. Minkejja dan, fl-UE kollha, in-nisa għadhom konsiderevolment mhux rappreżentanti biżżejjed fis-suq tax-xogħol u fil-bordijiet maniġerjali. B’mod partikolari, din l-inizjattiva l-ġdida għandha l-għan li tħeġġeġ il-qsim aħjar tar-responsabbiltajiet bejn in-nisa u l-irġiel, minħabba li l-inugwaljanzi fl-impjiegi bejn l-irġiel u n-nisa qegħdin iwasslu wkoll għal telf ekonomiku.

Fil-21 ta’ Ġunju li għadda, il-Kunsill tal-UE approva l-proposta tal-Kummissjoni li biha għandu jitjieb l-aċċess għall-arranġamenti dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, pereżempju l-lif u arranġamenti ta’ xogħol flessibbli għal ġenituri u carers.  Għalkemm din il-proposta ġiet approvata mill-Kunsill tal-UE, wieħed issa jrid jistenna li jkun hemm qbil fil-Parlament Ewropew qabel din il-proposta tiġi adottata bħala liġi.

Il-proposta tal-Kummissjoni qiegħda tistabbilixxi standards ġodda biex tqarreb iktar l-Istati Membri tal-UE b’erba’ modi: l-introduzzjoni ta’ standards minimi ġodda għal-lif tal-paternità, fejn il-missier jew it-tieni ġenitur ikun jista’ jieħu mill-inqas 10 ġranet tax-xogħol lif madwar iż-żmien tat-twelid tat-tarbija, imħallas b’rata li tiġi definita mill-Istat Membru konċernat; estensjoni tad-dritt ta’ xogħol flessibbli għall-ġenituri u carers sakemm it-tfal ikollhom mill-inqas 8 snin; aġġornament tal-istandard minimu għal-lif tal-ġenituri, u; l-introduzzjoni tad-dritt individwali għal-lif tal-carers, li qabel ma kienx rikonoxxut fuq livell Ewropew.

F’Settembru 2017, din il-proposta ġiet diskussa f’laqgħa tal-Core Group tal-MEUSAC li jiġbor madwar l-istess mejda lill-Gvern, l-Imsieħba Soċjali, is-soċjetà ċivili u rappreżentanti tal-Parlament nazzjonali u tal-istituzzjonijiet tal-UE. Għaldastant, flimkien ma’ rappreżentanti kemm ta’ unions tal-ħaddiema u wkoll ta’ organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, setgħu jiġu diskussi diversi punti tal-proposta. Punt ewlieni li ħareġ mid-diskussjoni kien li l-proposti għandhom jiġu adattati għall-ħtiġijiet ta’ kull Stat Membru. Kien diskuss ukoll l-aspett ta’ kif din il-proposta tista’ taffettwa lill-intrapriżi żgħar lokali, biex ma jiżdiedx il-piż amministrattiv għal negozji b’numru żgħir ta’ ħaddiema.

Din il-proposta tikkumplimenta x-xogħol li qed isir f’pajjiżna sabiex jissaħħaħ dejjem iktar il-qafas tal-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol. Tikkumplimenta wkoll l-isforz li qed isir sabiex iktar nisa jerġgħu lura fl-impjieg wara li jkunu ħadu l-lif tal-maternità bħall-introduzzjoni tas-servizz taċ-childcare b’xejn, l-introduzzjoni tal-lif tal-paternità u kif il-ħaddiema jingħataw il-btajjel li jaħbtu fi tmiem il-ġimgħa. Din il-proposta mistennija li tgħin ukoll lill-kumpaniji sabiex ikollhom ħaddiema li jkunu aktar motivati u b’hekk itejbu l-produttività tagħhom.

« Back