MEUSAC: Għaxar snin ta’ suċċess

  • Total ta’ €45 miljun f’fondi tal-Unjoni Ewropea (UE) bl-għajnuna tal-MEUSAC
  • Il-MEUSAC iniedi kampanja bl-isem #decadeofsuccess

Artiklu miktub minn Duncan Barry – Uffiċjal, Midja u Informazzjoni, MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 06.08.18

L-Unjoni Ewropea (UE) għandha bosta programmi ta’ finanzjament għal proġetti li jistgħu jsiru minn għaqdiet mhux governattivi (NGOs) u kunsilli lokali. Dawn il-programmi jolqtu diversi setturi ta’ prijorità għall-UE bħall-inklużjoni soċjali, id-diversità, l-ugwaljanza, l-ambjent, id-demokrazija parteċipattiva, iż-żgħażagħ, u bosta oħrajn. L-applikazzjonijiet għal dawn il-fondi huma kompetittivi, jiġifieri l-proġetti jintgħażlu skont numru ta’ kriterji fosthom kemm dak li jkun se jsir bil-fondi jilħaq il-prijoritajiet magħżula mill-Kummissjoni Ewropea.

Għaldaqstant, minħabba li jkun hemm ħafna jikkompetu għall-fondi disponibbli, jista’ jkun aktar diffiċli biex applikazzjoni għall-fondi tal-UE tkun ta’ suċċess. Barra minn hekk, l-applikazzjoni fiha nnifisha tista’, ftit jew wisq, tkun kumplikata biex timtela mingħajr assistenza professjonali.

Din kienet waħda mir-raġunijiet għaliex twaqqaf il-MEUSAC, biex joffri assistenza bla ħlas lill-NGOs u kunsilli lokali, imsieħba soċjali u entititajiet governattivi, biex jiksbu l-fondi neċessarji għall-proġetti tagħhom.

Riċentement, il-MEUSAC għalaq 10 snin minn meta beda jagħti din l-assistenza. Ir-riżultati jitkellmu weħidhom.

Matul dawn l-10 snin, il-MEUSAC għen diversi organizzazzjonijiet jibbenifikaw minn total ta’ €45 miljun f’fondi tal-UE għal total ta’ 392 proġett. Din mhix xi ħaġa faċli meta wieħed jikkunsidra l-fatt li kull benefiċjarju rċieva medja ta’ €115,000 f’fondi tal-UE għal xi proġett jew ieħor.

Għaxar snin ilu, nħass il-bżonn li pajjiżna u s-setturi varji tas-soċjetà Maltija jimmassimizzaw l-opportunitajiet ta’ sħubija fl-UE. Mezz effettiv biex jintlaħaq dan l-għan hu billi NGOs u kunsilli lokali jkunu appoġġjati bl-assistenza teknika u professjonali biex japplikaw għal proġetti finanzjati totalment jew parzjalment mill-fondi tal-UE.

L-assistenza tal-MEUSAC tikkonsisti fl-għoti ta’ informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ finanzjament tal-UE u, aktar importanti, billi tassisti l-applikanti fil-mili tal-applikazzjonijiet tagħhom filwaqt li tgħinhom  jissottomettu l-applikazzjoni.

Il-MEUSAC jipprovdi informazzjoni ġenerali dwar il-finanzjament disponibbli fir-rigward tal-proġetti, filwaqt li jgħin ukoll biex jiġu identifikati msieħba li jistgħu jkunu interessati biex jingħaqdu fl-implimentazzjoni tal-istess proġett. Dan l-aspett jagħti laqta iktar Ewropea lill-proġetti. Mhux l-inqas, il-MEUSAC jaħdem biex jiżgura li l-applikazzjonijiet għall-fondi tal-UE jirnexxu.

Ta’ min jgħid li fl-aħħar 10 snin, numru ta’ kunsilli lokali madwar Malta u Għawdex irnexxielhom jibbenefikaw minn aktar minn €20 miljun f’fondi tal-UE għal 139 proġett differenti waqt li l-NGOs ibbenefikaw minn madwar €12-il miljun għal 217 proġett. Fis-snin aktar reċenti, dan is-servizz ġie estiż għal entitajiet tal-Gvern, b’36 proġett li jiswew b’kollox fitit inqas minn 13-il miljun.

Il-MEUSAC iniedi kampanja onlajn
Għal dan l-anniversarju, il-MEUSAC se jkun qiegħed jippubblika serje ta’ artikli qosra fuq il-paġna ta’ Facebook u fuq is-sit elettroniku www.meusac.gov.mt bħala parti minn kampanja bl-isem #decadeofsuccess fuq il-proġetti li nkisbu bl-għajnuna tal-MEUSAC. Din il-kampanja hija maħsuba biex tinkoraġġixxi aktar organizzazzjonijiet li jfittxu aktar informazzjoni dwar fondi tal-UE jew biex jagħmlu appuntament għal laqgħa mal-uffiċjali tal-MEUSAC biex jiddiskutu l-ideat tal-proġetti tagħhom.

Pubblikazzjoni
Fix-xahar ta’ Settembru, il-MEUSAC se jippubblika wkoll ktejjeb ta’ informazzjoni dwar il-programmi differenti ta’ finanzjament tal-UE biex il-fondi tal-UE jkunu aktar aċċessibbli għal kull min irid japplika għalihom. Dan il-ktejjeb se jitqassam b’mod partikolari lill-kunsilli lokali interessati.

Sessjoni live fuq Facebook
Fit-13 ta’ Awwissu, se ssir sessjoni live fuq il-paġna ta’ Facebook  @MEUSACMalta li se sservi bħala pjattaforma għall-pubbliku biex jistaqsi  mistoqsijiet dwar opportunitajiet ta’ fondi tal-UE u l-assistenza li joffri l-MEUSAC f’dan ir-rigward. Uffiċjali mit-tim tal-fondi tal-UE fil-MEUSAC se jkunu disponibbli biex iwieġbu l-mistoqsijiet tiegħek. Dan l-eżerċizzju se jservi wkoll bħala gwida għall-paġna ‘FAQ’ li għandha tinħoloq fil-futur u tkun disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-MEUSAC www.meusac.gov.mt

Għal iktar tagħrif jew biex tiddiskuti l-proġett innovattiv tiegħek tista’ ċċempel 2200 3300 jew tibgħat email lil funding.meusac@gov.mt

« Back