MEUSAC – 10 Snin ta’ Suċċessi

Artiklu miktub minn Vanni Xuereb, Kap tal-MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 09.07.18

Għaxar snin ilu, il-MEUSAC reġa’ twaqqaf wara li fil-perjodu ta’ qabel is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea (UE) kien serva bħala forum fejn l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili setgħu jagħtu sehemhom fit-tfassil tal-pożizzjoni li pajjiżna kien ser jieħu fuq diversi aspetti tal-acquis (id-drittijiet u l-obbligi komuni li jorbtu lill-pajjiżi kollha msieħba fl-UE). In-negozjati, li kienu jsiru mal-Kummissjoni Ewropea wasslu biex Malta saret membru tal-UE fl-1 ta’ Mejju tal-2004.

Bħala Stat Membru tal-UE, Malta llum għandha sehem fit-tfassil tal-politika u tal-liġijiet tal-Unjoni. Il-Prim Ministru jattendi regolarment għal-laqgħat tal-Kunsill Ewropew (kultant imsejjaħ summit) mal-mexxejja tal-Istati Membri l-oħra. Il-ministri tal-Gvern Malti jieħdu sehem f’laqgħat tal-Kunsill tal-UE li jiltaqa’ f’formazzjonijiet differenti skont is-suġġett li jkun ser jiġi diskuss. Is-sena l-oħra rajna wkoll kif pajjiżna mexxa b’suċċess il-Presidenza ta’ dan il-Kunsill.

Il-ħidma ta’ din l-istituzzjoni importanti titwettaq ukoll f’livelli differenti fejn diversi esperti Maltin jiltaqgħu mal-kollegi tagħhom mill-pajjiżi l-oħra sabiex iwittu t-triq biex il-Kunsill jieħu d-deċiżjonijiet neċessarji. Għaldaqstant, rwol importanti tal-MEUSAC illum huwa dak li jinvolvi lill-imsieħba soċjali u lis-soċjetà ċivili fit-tfassil tal-pożizzjoni li Malta taddotta fil-Kunsill tal-UE.

Matul dawn l-aħħar ħames snin rajna wkoll evoluzzjoni fir-rwol konsultattiv tal-MEUSAC bis-sehem tal-Prim Ministru Joseph Muscat li jattendi fil-MEUSAC qabel il-laqgħat tal-Kunsill Ewropew li jsiru f’Ġunju u Diċembru. Il-MEUSAC serva wkoll bħala għodda biex il-Gvern jiddiskuti mal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili t-tħejjijiet għall-Presidenza Maltija tal-Kunsill fl-2017 filwaqt li bħalissa jżommhom aġġornati dwar dak kollu li għandu x’jaqsam man-negozjati tal-Brexit.

Minbarra din il-funzjoni, il-MEUSAC ingħata wkoll żewġ funzjonijiet oħra. Waħda minnhom, dik tal-informazzjoni, kienet taqa’ f’idejn enitità oħra fi żmien in-negozjati għas-sħubija. Parti importanti tal-proċess ta’ konsultazzjoni huwa t-tixrid ta’ informazzjoni korretta u fattwali dwar l-UE, id-drittijiet u l-obbligi ta’ Malta bħala Stat Membru, kif ukoll taċ-ċittadini Maltin bħala ċittadini tal-UE.

Il-MEUSAC iwettaq dan ir-rwol b’diversi modi inkluż bis-sehem ta’ uffiċjali tiegħu fi programmi fuq it-televiżjoni u r-radju, artikli f’gazzetti u pjattaformi onlajn, permezz tal-websajt, il-paġna tal-Facebook u bit-Twitter u billi jorganizza attivitajiet għall-pubbliku bl-għan li jinforma u jinvolvi liċ-ċittadini fid-dibattitu fuq kwistjonijiet Ewropej. Bħalissa, il-MEUSAC qed iħejji sensiela ta’ attivitajiet imsejħa Konsultazzjonijiet taċ-Ċittadini bl-għan li kull Malti u Maltija jkollhom l-opportunità li jgħidu tagħhom dwar il-futur tal-UE.

Meta reġa’ twaqqaf il-MEUSAC, pajjiżna kien ilu biss erba’ snin fl-UE. Għalhekk kien importanti li pajjiżna u d-diversi setturi tas-soċjetà Maltija jisfruttaw bl-aħjar mod il-vantaġġi tas-sħubija. Mezz importanti u effettiv ħafna biex dan iseħħ huma l-Programmi ta’ Fondi li għandha l-UE.

Għaxar snin ilu nħass il-bżonn ta’ għajnuna teknika u professjonali lill-kunsilli lokali u organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) sabiex dawn japplikaw għal proġetti finanzjati minn fondi Ewropej. Din l-għajnuna tikkonsisti filli l-MEUSAC iwassal informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ fondi Ewropej u, iktar minn hekk, jassisti lill-kunsilli u NGOs fil-proċess kultant tqil u kkumplikat tal-mili u s-sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet.

Sal-lum, grazzi għal din l-għajnuna, li tingħata bla ħlas, il-kunsilli lokali ħadu bejniethom iktar minn 20 miljun ewro f’fondi Ewropej għal 139 proġett differenti filwaqt li l-NGOs ħadu mat-12-il miljun ewro għal 210 proġett differenti. Fl-aħħar snin, din l-għajnuna ġiet estiża wkoll lil entitajiet tal-Gvern fejn s’issa ġew approvati 34 proġett b’valur ta’ iktar minn 12-il miljun ewro.

Dan is-suċċess hu dovut grazzi għall-ħidma professjonali tal-istaff tal-MEUSAC matul dawn l-għaxar snin. Kruċjali wkoll hi l-fiduċja tal-imsieħba diversi. Il-Gvern preżenti jemmen bis-sħiħ fir-rwol importanti tal-MEUSAC. Dan rajnieh bil-fatti meta s-sena l-oħra waqqaf il-MEUSAC bħala aġenzija tal-gvern u bl-investiment dejjem jiżdied f’din l-aġenzija ħalli tkompli tgħaqqad liċ-ċittadin mal-UE.

« Back