Is-Swieq tat-Trasferimenti u l-Unjoni Ewropea

Artiklu miktub minn James Azzopardi – Uffiċjal Esekuttiv, MEUSAC
Ippubblikat fil-magazine L-Isportiv – Ġunju 2018

Is-suq tat-trasferimenti ta’ plejers f’bosta sports madwar id-dinja f’dawn l-aħħar snin żviluppa b’mod kumpless u f’xi każi sar jinvolvi ammonti kbar ta’ flus li sar sinonimu ma’ fatturi legali u ekonomiċi. Fost dawn, il-futbol żgur li hu wieħed mill-akbar swieq ta’ trasferimenti fid-dinja tal-isport. It-trasferiment tal-plejers fil-futbol huwa ta’ bilħaqq settur ekonomiku u legali relattivament uniku u kumpless, propju minħabba d-diffikultajiet biex issir distinzjoni bejn kwistjonijiet sportivi u ekonomiċi.

Fil-fatt, filwaqt li r-regoli u r-regolamenti tal-għaqdiet sportivi huma mfassla biex jippreservaw l-ekwità u s-sens kompetittiv, il-volum u l-livell tal-ammonti tat-trasferimenti għandhom konsegwenzi ekonomiċi sinifikanti fuq il-klabbs.

Wieħed jista’ josserva ċertu tendenzi u karatteristiċi partikolari relatati mal-iżvilupp tas-suq tat-trasferimenti nnifsu, fosthom l-ammont ta’ flus li qed jirċievu u jonfqu l-klabbs. Għaldaqstant, f’Marzu ta’ din is-sena, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat studju dwar l-implikazzjonijiet ekonomiċi u legali tas-swieq tat-trasferimenti fl-UE (An update on change drivers and economic and legal implications of transfers of players: Final Report to the DG Education, Youth, Culture and Sport of the European Commission).

L-għan ta’  dan ir-rapport, li hu kontinwazzjoni ta’  rapport preċedenti li sar fl-2013, kien li janalizza l-iżviluppi tas-suq tat-trasferimenti mill-2013 f’termini ta’  xejriet ekonomiċi u l-evoluzzjoni legali. L-istudju ġie kkummissjonat f’Ottubru 2017 mid-Direttorat Ġenerali għall-Edukazzjoni, Żgħażagħ, Sport u Kultura tal-Kummissjoni Ewropea (u mwettaq minn żewġ organizzazzjonijiet tar-riċerka, KEA u Ecorys).

Ir-rapport preċedenti kien sab li t-tariffi tat-trasferiment kibru fuq seba’ darbiet bejn l-1995 u l-2011, filwaqt li n-numru ta’ plejers trasferiti żdied b’aktar minn tliet darbiet matul l-istess perjodu. Ir-rekord tal-ħlas għal trasferiment ġie miksur tliet darbiet mill-2013, bl-akbar trasferiment reġistrat ikun dak ta’ Neymar mingħand Barċellona għal Paris Saint German għas-somma rekord ta’ €222 miljun fis-sajf tal-2017. Aktar importanti minn hekk, il-valur totali tat-trasferimenti huwa stmat li laħħaq il-€5.9 biljun għall-akbar ħames kampjonati fl-2017.

Xhieda ta’ dan hu l-fatt li, skont ir-rapport, id-dħul tal-klabbs u l-ammonti li jifilħu jħallsu fis-suq dejjem qiegħed jiżdied, speċjalment fil-klabbs membri tal-UEFA. Din ix-xejra ilha għaddejja bla interruzzjoni matul dawn l-aħħar għaxar snin, b’żieda ta’ 80% bejn l-2006/2007 u l-2015/2016.

Id-dejta tad-dħul mill-ħames kampjonati l-kbar fl-Ewropa (Premier League, La Liga, Bundesliga, Serie A u l-Ligue 1) turi li l-parti l-kbira tat-tkabbir qed tiġri fl-Ingilterra, bid-dħul tal-Premier League jirdoppja f’dawn l-aħħar għaxar snin, filwaqt li l-erba’ kampjonati l-oħra jikbru b’pass aktar bil-mod.

Dan it-tkabbir ekonomiku tal-ħames kampjonati l-kbar huwa dovut għaż-żieda tad-drittijiet tat-TV. Id-dħul li ġej mid-drittijiet tax-xandir irdoppja sew, b’ammont ta’ €8.518 biljun fl-2017/2018 meta mqabbel mal-€4.238 biljun fl-2011/2012.

Ir-rapport iħares ukoll lejn il-qafas u l-istrutturi legali li hemm fis-settur tat-trasferimenti, b’dak ewlieni jkun l-UEFA Club Licensing and Financial Fair Play (FFP) li tant nisimgħu bih. Dawn ir-regoli kienu mfassla fl-2010 mill-UEFA u jitolbu lill-klabbs li jkunu se jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet kontinentali Ewropej biex jagħtu prova li ma għandhomx dejn ma’ klabbs oħra, lejn il-plejers tagħhom u lejn l-awtoritajiet soċjali jew tat-taxxa tal-pajjiż.

Fl-2012, l-UE laqgħet l-introduzzjoni tal-FFP u saħansitra ffirmat dikjarazzjoni konġunta mal-UEFA. Barra minn hekk, f’każ interessanti, fl-2015 il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE ġġudikat ilment ta’ aġent tal-futbol kontra l-FFP u l-emendi li sarulha fl-istess sena. Is-sentenza tal-Qorti kienet waħda ċara u saħansitra saħqet li l-ilment hu inammissibbli (‘manifestly inadmissible’).

Ir-riċerka għarfet ukoll diversi problemi, fosthom dawk li jissejħu bridge transfers. Din il-proċedura ġeneralemnt tinvolvi t-trasferiment ta’ plejer bejn tliet klabbs: il-klabb tas-sors (li jappartjeni għalih il-plejer), il-bridge club (fejn il-plejer se jkun għal perjodu ta’ żmien) u l-klabb ‘finali’ (fejn se jiġi trasferit il-plejer). Ċertu klabbs iħaddnu din il-proċedura kontra l-etika sportiva biex jevitaw ċertu spejjeż. Fl-2014, għall-ewwel darba, il-FIFA ssanzjonat ħames klabbs (Institución Atlética Sud América (Urugway) u IA Central Córdoba, CA Independiente, Racing Club u CA Rosario Central (Arġentina)) minħabba każijiet ta’ bridge transfers.

Ir-rapport jinkludi wkoll tmien suġġerimenti għat-titjib tal-politiki fl-isport. Fosthom, ir-riċerkaturi inkoraġġew id-djalogu soċjali bħala mezz ta’ kif wieħed jista’ jamalgama l-etika fis-suq tat-trasferimenti ma’ dan is-settur. Suġġeriment importanti ieħor kien il-bżonn ta’ aktar trasparenza fis-suq innifsu. Ir-rapport jargumenta li n-nuqqas ta’ trasparenza qed jaffettwa aspetti importanti bħall-integrità, u għaldaqstant ir-riċerkaturi jissuġġerixxu li l-pubbliku jkollu aċċess għal aktar dejta, speċjalment min-naħa tal-assoċjazzjonijiet tal-futbol nazzjonali rigward kull trasferiment li jsir. Suġġeriment ieħor kien l-introduzzjoni ta’ taxxa fuq trasferimenti li jammontaw għal ċertu ammont ta’ flus.

Suġġeriment importanti ieħor hu dak li jinvolvi l-minuri. Ir-rapport jagħraf kif fl-UE (u l-Ewropa inġenerali) jitħaddnu diversi liġijiet rigward plejers żgħar. Ir-riċerkaturi jissuġġerixxu djalogu fuq dan is-settur tal-futbol billi reġgħu enfasizzaw l-importanza tad-djalogu soċjali fl-Ewropa u l-opportunità li joffri biex jiġu analizzati b’mod aħjar is-sistemi differenti applikati f’kull pajjiż.

Minkejja li l-UE m’għandhiex il-kompetenza mill-Istati Membri li tgħaddi liġijiet fis-settur tal-isport, aspetti bħal dawn u bħal-laqgħa annwali tal-EU Sport Forum, juru kemm l-UE tista’ tkun punt fejn permezz tad-djalogu u r-riċerka l-isport jingħata l-importanza li ħaqqu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea ikkummissjunat diversi rapporti bħal dan u oħrajn li jitrattaw diversi setturi tal-isport, fosthom dak tas-saħħa u l-ħiliet li tista’ toffri l-attività fiżika lil kull min jipprattikaha.

« Back