‘Għid Tiegħek Dwar l-Ewropa’ – Konsultazzjonijiet maċ-Ċittadini

Artiklu miktub minn Joe Sciberras – Maniġer, MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 23.07.18

F’dawn l-aħħar snin, minkejja li l-Unjoni Ewropea (UE) rkuprat mill-kriżi finanzjarja u ekonomika b’mod sodisfaċenti, fosthom biż-żieda fir-rata tal-impjiegi, inħolqu numru ta’ sfidi ġodda li qegħdin iħabbtu mhux ftit lill-mexxejja tal-Istati Membri. Fost l-ikbar sfidi, identifikati miċ-ċittadini stess insibu dawk marbuta mal-immigrazzjoni, is-sigurtà u l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, li issa dejjem qiegħed joqrob. Tħassib komuni lil hinn minn dawn l-isfidi, hemm il-fatt li numru dejjem jikber ta’ ċittadini qegħdin iħossu li l-UE mhix tagħmel biżżejjed biex tindirizza dawn l-isfidi. Hemm ukoll il-fatt li wħud mill-Istati Membri jidhru li mhumiex jiġbdu ħabel wieħed fi kwistjonijiet komuni bħall-immigrazzjoni.

Kemm il-mexxejja tal-Istati Membri u dawk tal-istituzzjonijiet tal-UE huma konxji ta’ din is-sitwazzjoni u qegħdin jieħdu diversi inizjattivi biex il-proġett Ewropew jerġa’ jqum fuq saqajh. Il-Kummissjoni Ewropea, pereżempju, diġà organizzat sensiela ta’ djalogi maċ-ċittadini fl-Istati Membri, fejn Kummissarji Ewropej jiltaqgħu magħhom u jiddiskutu temi kurrenti dwar il-Futur tal-Ewropa. F’Malta u Għawdex, fl-aħħar sena saru tlieta minn dawn id-djalogi ma’ diversi Kummissarji Ewropej li ddiskutew temi bħall-prijoritajiet fil-baġit tal-UE għall-2021-2027, id-drittijiet tal-konsumaturi fl-UE, u sfidi partikolari għal Għawdex bħall-insularità doppja.

Bħalissa għaddejja wkoll konsultazzjoni pubblika onlajn dwar il-Futur tal-Ewropa. Din  il-konsultazzjoni bbażata fuq kwestjonarju li jista’ jimtela onlajn, tfasslet minn grupp ta’ 96 ċittadin minn 27 Stat Membru tal-UE, li ngħaqdu biex jieħdu deċiżjoni fuq liema mistoqsijiet għandhom jagħmlu lil ċittadini oħra Ewropej.

Din is-sena, il-President ta’ Franza, Emmanuel Macron tkellem ukoll dwar il-bżonn ta’ UE li tikkonsulta aktar maċ-ċittadini dwar x’direzzjoni trid tieħu l-Ewropa tal-futur, filwaqt li talab mexxejja oħra Ewopej jingħaqdu f’din l-inizjattiva. F’dan il-kuntest, 27 Stat Membru tal-UE (minbarra r-Renju Unit) qablu li jorganizzaw konsultazzjonijiet maċ-ċittadini fl-Istati Membri konċernati. Dawn il-konsultazzjonijiet jimxu fuq qafas komuni fil-pajjiżi fejn qegħdin isiru, biex dak li joħroġ minnhom ikun jista’ jagħti riżultati li jistgħu jitqabblu. Dak li joħroġ mill-konsultazzjonijiet maċ-ċittadini se jservi fid-diskussjonijiet bejn il-Kapijiet ta’ Stat u Gvern, u jgħinhom jidentifikaw il-prijoritajiet għal azzjoni fis-snin li ġejjin.

Il-Prim Ministru Malti, Dr Joseph Muscat, filwaqt li laqa’ l-istedina tal-President Macron, qal li l-konsultazzjoni m’għandhiex tieqaf mal-istess nies li jgħidu l-istess affarijiet, imma għandha titwessa’ biex l-Ewropa tilħaq u tieħu l-opinjoni ta’ iktar nies, inkluż dawk li forsi ma jaqblux mal-mod kif qed titmexxa l-UE.

Dawn il-konsultazzjonijiet se jsiru wkoll f’Malta u Għawdex bil-għan li jinvolvu numru sinifikanti ta’ ċittadini Ewropej, fi djalogi, dibattiti, konsultazzjonijiet onlajn, jew permezz ta’ organizzazzjonijiet rappreżentattivi, biex jiġu identifikati t-tħassib, it-tamiet u l-aspettattivi taċ-ċittadini Ewropej.

Bħala entità responsabbli li torganizza dawn il-konsultazzjonijiet maċ-ċittadini f’Malta, il-MEUSAC se jkun qiegħed jorganizza numru ta’ attivitajiet bit-tema, ‘Għid tiegħek dwar l-Ewropa’. It-temi li se jiġu diskussi se jkunu dawk marbutin mal-Futur tal-Ewropa bħall-innovazzjoni, l-immigrazzjoni, l-aġenda soċjali u l-Politika Agrikola Komuni, fost l-oħrajn.

It-tnedija tal-Konsultazzjonijiet maċ-Ċittadini f’Malta se ssir nhar it-Tlieta, 31 ta’ Lulju 2018 fil-Berġa ta’ Aragona, Pjazza Indipendenza, il-Belt Valletta, fi djalogu maċ-ċittadini u tibda bir-reġistrazzjoni fl-10.00 a.m.

Fl-attività, li se titmexxa minn Dr Vanni Xuereb, Kap tal-MEUSAC, se tieħu sehem Dr Helena Dalli – Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza, Madame Nathalie Loiseau – Ministru għall-Affarijiet Ewropej ta’ Franza, Dr Aaron Farrugia – Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali, Dr Alfred Sant – MPE (PL/S&D), Dr Francis Zammit Dimech – MPE (PN/PPE), u Dr Elena Grech – Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta.

L-attività, li għaliha kulħadd hu mistieden, se ssir bil-Malti, bit-traduzzjonijiet simultanji għall-Ingliż u l-Franċiż.

Biex tirreġistra għal din l-attività, jew biex tikseb aktar informazzjoni tista’ ċċempel il-MEUSAC fuq 2200 3300, tidħol fis-sit https://meusac.gov.mt/events-and-activities/ jew tibgħat email fuq info.meusac@gov.mt.

« Back