Ewropa li tisma’ iktar liċ-Ċittadini

Artiklu miktub minn Neil Portelli – Direttur, Politika u Legiżlazzjoni tal-UE, MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 25.06.18

Riċentement, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat ir-riżultati ta’ stħarriġ tal-opinjoni pubblika – magħruf aħjar bħala l-Ewrobarometru – dwar temi bħas-sitwazzjoni ekonomika fl-Istati Membri, l-iktar affarijiet  li jinkwetaw liċ-ċittadini, l-iktar affarijiet pożittivi tal-UE, u l-fiduċja fl-Unjoni Ewropea (UE). B’mod ġenerali, ir-riżultati juru li l-biċċa l-kbira taċ-ċittadini Ewropej għandhom livell għoli ta’ fiduċja f’dak li tfisser għalihom l-UE.

Sena biss qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, li f’Malta ser isiru fil-25 ta’ Mejju 2019, il-perċentwal ta’ ċittadini li jemmnu li leħinhom jgħodd laħaq l-ogħla livell tiegħu mill-2004, riżultat li jawgura tajjeb għall-ġejjieni. Il-Kummissjoni torbot dan il-fattur mal-isforz mitlub mill-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker sabiex l-istituzzjonijiet tal-UE, b’mod partikulari l-membri tal-Kummissjoni Ewropea, ikunu politikament attivi fl-Istati Membri u fi djalogu maċ-ċittadini. Fil-fatt, fl-aħħar snin saru numru ta’ djalogi taċ-ċittadini, anki f’Malta, li ħadu sehem fihom diversi Kummissarji Ewropej. Waqt dawn il-laqgħat maċ-ċittadini, il-Kummissarji ppreżentaw u kkomunikaw aġenda komuni, filwaqt li semgħu l-fehmiet u l-ideat ta’ partijiet interessati u ċ-ċittadini.

Fl-aħħar xhur, pajjiżna laqa’ lill-Kummissarju Ewropew għall-Baġit u r-Riżorsi Umani, Gunther Oettinger, il-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, Věra Jourová u lill-Kummissarji għall-Politika Reġjonali, Corina Crețu, u dak għall-Ambjent, Affarjiet Marittimi u Sajd, Karmenu Vella għal djalogi taċ-ċittadini li saru f’Malta u f’Għawdex. Il-Kummissarju Oettinger tkellem u sema’ dwar x’għandhom ikunu l-prijoritajiet fil-baġit tal-UE għall-2021-2027. Il-Kummissarju Jourová iddiskutiet ma’ dawk preżenti x’qiegħed isir fl-UE għall-konsumaturi, filwaqt li f’laqgħa li saret f’Għawdex, il-Kummissarji Crețu u Vella ddiskutiet numru ta’ sfidi li għandu Għawdex, fosthom l-insularità doppja.

Il-Kummissjoni Ewropea, permezz ta’ Bord taċ-Ċittadini li tlaqqa’ għall-ewwel darba, nediet ukoll konsultazzjoni pubblika onlajn indirizzata lejn iċ-ċittadini Ewropej kollha propju nhar id-9 ta’ Mejju ta’ din is-sena, f’Jum l-Ewropa. Din il-konsultazzjoni unika, tħejjiet minn bord ta’ 96 ċittadin minn 27 Stat Membru tal-UE, li ngħaqdu biex jieħdu deċiżjoni fuq liema mistoqsijiet għandhom jagħmlu lil ċittadini oħra Ewropej dwar il-Futur tal-Ewropa. Din kienet inizjattiva oħra li tinkludi aktar liċ-ċittadini f’dibattitu sħiħ u kontinwu dwar il-futur tal-Ewropa anke fl-ambitu  tat-tluq tar-Renju Unit mill-UE, biex iċ-ċittadini nfushom ikollhom sehem akbar fil-futur tal-UE.

Din is-sena, il-President ta’ Franza Emmanuel Macron tkellem ukoll dwar il-bżonn ta’ UE li tikkonsulta aktar maċ-ċittadini dwar x’direzzjoni trid tieħu l-Ewropa tal-futur, filwaqt li talab mexxejja oħra Ewopej jingħaqdu f’din l-inizjattiva. Il-Prim Ministru Malti, Dr Joseph Muscat, filwaqt li laqa’ l-istedina ta’ Macron, qal li l-konsultazzjoni m’għandhiex tieqaf mal-istess nies li jgħidu l-istess affarijiet, imma għandha titwessa’ biex l-Ewropa tilħaq u tieħu l-opinjoni ta’ iktar nies, inkluż dawk li forsi ma jaqblux mal-mod kif qed titmexxa l-UE.

Din l-inizjattiva se ssir ukoll f’Malta permezz tal-MEUSAC li hi l-aġenzija tal-gvern li tipprovdi forum għall-konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili dwar politiki u liġijiet tal-UE.  L-attivitajiet pjanati ser ikomplu jibnu fuq numru ta’ attivitajiet li l-MEUSAC jorganizza b’mod regolari dwar il-Futur tal-Ewropa. Dawn l-attivitajiet li se jsiru fix-xhur li ġejjin se jkunu qed imissu ma’ numru ta’ oqsma topiċi fuq livell Ewropew.

Din l-inizjattiva, li għandha l-appoġġ tal-Kapijiet kollha ta’ Stat jew Gvern tas-27 Stat Membru tal-UE, ser ikollha wkoll is-sapport tal-Kummissjoni Ewropea li ser tkun qed taqsam l-esperjenza tagħha mal-Istati Membri. Il-konsultazzjonijiet maċ-ċittadini proposti mill-Gvern Franċiż ser jibqgħu għaddejjin sal-aħħar xhur ta’ din is-sena u dak li joħroġ minnhom għandu jservi ta’ bażi għad-diskussjonijiet li se jsiru mill-mexxejja Ewropej fl-ewwel Summit tal-UE27  f’Sibiu, ir-Rumanija fid-9 ta’ Mejju tas-sena d-dieħla, propju ftit ġimgħat wara li r-Renju Unit joħroġ mill-UE u ftit ġimgħat qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’ Mejju.

Spread the love
« Back

Leave a Reply

XHTML: You can use these tags: <a href="" title=""> <abbr title=""> <acronym title=""> <b> <blockquote cite=""> <cite> <code> <del datetime=""> <em> <i> <q cite=""> <s> <strike> <strong>