Erasmus+ imur virtwali

Artiklu ppublikat fuq Voice of the Workers Weekly – 26.03.18

Il-Kummissjoni Ewropea dan l-aħħar nediet l-Erasmus+ Virtual Exchange, proġett immirat sabiex jippromwovi d-djalogu bejn il-kulturi u jsaħħaħ il-ħiliet taż-żgħażagħ permezz ta’ diversi għodda ta’ tagħlim diġitali.

L-għan ta’ Erasmus+ Virtual Exchange hu li jgħaqqad liż-żgħażagħ, lill-ħaddiema maż-żgħażagħ, studenti u akkademiċi minn stati membri u pajjiżi fin-Nofsinhar tal-Unjoni Ewropea permezz ta’:

  • Diskussjonijiet moderati;
  • Gruppi ta’ proġetti Transnazzjonali;
  • Korsijiet miftuħa online;
  • Taħriġ fl-appoġġ pubbliku.

Żgħażagħ minn pajjiżi differenti se jkunu kapaċi jikkomunikaw darba fil-ġimgħa sabiex jiddiskutu diversi suġġetti bħalma huma l-iżviluppi ekonomiċi jew il-bidla fil-klima. Tali diskussjonijiet ikunu faċilitati minn moderatur u abbażi ta’ materjal preparatorju li jkun imqassam qabel. Tali kuntatt u skambju ma’ żgħażagħ ta’ l-istess eta’ minn diversi pajjiżi hu opportunita’ kbira sabiex jiksbu għarfien u ħiliet ġodda filwaqt li wkoll isaħħu t-tolleranza u l-aċċettazzjoni reċiproka.

L-Iskambju Virtwali jippromwovi d-djalogu bejn il-kulturi fost iż-żgħażagħ u hu pari passu mad-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi, li timmira biex tippromwovi ċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-liberta’, tat-tolleranza u n-non diskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni.

Il-verżjoni online ta’ Erasmus+ se tikkumplimenta l-programm tradizzjonali dwar il-mobbilta’  fiżika u fil-futur jista’ jiġi estiż lil reġjuni oħrajn fid-dinja.

« Back