News Details

Artiklu miktub minn James Azzopardi – Uffiċjal Esekuttiv, MEUSAC

8 January 2018

 

L-Unjoni Ewropea fl-2018

 

Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 08.01.18

 

L-2017 kienet sena oħra mimliji sfidi u opportunitajiet għall-Unjoni Ewropea (UE). Matul is-sena, rajna diversi avvenimenti importanti li għenu biex l-UE tħares ’il quddiem b’aktar ottimiżmu mis-snin ta’ qabel. Għal Malta, kienet ukoll sena partikolari peress li pajjiżna kellu l-Presidenza tal-Kunsill tal-UE fl-ewwel sitt xhur tas-sena. Matul dan il-perjodu, f’Malta sar summit importanti dwar l-immigrazzjoni li minnu ħarġu passi konkreti biex tiġi indirizzata din l-isfida. Ġrajja oħra sinjifikanti għall-UE kienet il-kommemorazzjoni tal-50 anniversarju tal-iffirmar tat-Trattati ta’ Ruma. Matul is-sena li għadddiet imxew ukoll ’il quddiem in-negozjati dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE filwaqt li issa mistennija jibdew ukoll taħdidiet dwar l-arranġament il-ġdid li ser ikollu r-Renju Unit mal-UE ladarba dan il-pajjiż ma jibqax membru tal-Unjoni.

 

Fl-UE, it-tkabbir ekonomiku matul l-2017 qabeż it-2%, filwaqt li t-tkabbir għaż-żona tal-ewro kien dak ta’ 2.2%. L-ekonomija Ewropea kibret b’rata aktar mgħaġġla minn dik tal-Istati Uniti matul l-aħħar sentejn. Inħolqu kważi 8 miljun impjieg mill-bidu tal-mandat ta’ din il-Kummissjoni fl-2014 - parzjalment minħabba l-azzjonijiet tal-Istituzzjonijiet tal-UE, il-kontribuzzjoni tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, u l-politika monetarja tal-Bank Ċentrali Ewropew. Is-sentiment ġenerali juri li l-kunfidenza u l-fiduċja fl-UE qed jirritornaw.

 

Fl-2018, l-UE trid tkompli ssaħħaħ dan ir-ritmu u tiffoka fuq l-iktar prijoritajiet importanti għaċ-ċittadini tagħha. Fil-Pjan ta’ Ħidma għall-2018, il-Kummissjoni Ewropea se tkompli bid-dibattitu mniedi mill-White Paper tal-Kummissjoni fuq il-Ġejjieni tal-Ewropa u taħdem fuq inizjattivi li jkopru diversi aspetti tal-UE. Fost dawn insibu t-tkomplija tal-Unjoni tas-Sigurtà u li jintlaħaq Patt Ġdid għall-Konsumaturi biex issaħħaħ id-drittijiet tal-konsumaturi, b’rimedji aktar tanġibbli għall-ilmenti tagħhom. Il-Kummissjoni se timbotta biex jissaħħaħ aktar is-Suq Uniku Diġitali.

 

Uħud minn dawn il-prijoritajiet huma riflessi wkoll fil-programm tal-Presidenza tal-Kunsill tal-UE li għall-ewwel sitt xhur tas-sena hija f’idejn il-Bulgarija. Dawn huma: Ewropa Sigura, li tindirizza l-isfidi marbuta mal-immigrazzjoni u t-terroriżmu; Ewropa Stabbli, li tieħu ħsieb il-prosperità taċ-ċittadini; u Ewropa Solidali, biex l-isfidi komuni jingħelbu bl-għaqda tal-Istati Membri flimkien. Madwar l-UE ilu jinħass il-bżonn ta’ aktar koperazzjoni bejn l-Istati Membri, l-aktar fil-proċess tan-negozjati għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE f’Marzu tal-2019, u f’aspetti oħra li fuqhom hemm nuqqas ta’ qbil bejn l-Istati Membri.

 

B’dawn il-prijoritajiet, l-UE trid tkomplu tindirizza bżonn li ilu jinħass, jiġifieri li tkun aktar qrib taċ-ċittadini tagħha. Skont l-aħħar stħarriġ tal-opinjoni pubblika fl-UE (Ewrobarometru 88), il-maġġoranza assoluta taċ-ċittadini tal-UE huma ottimisti dwar il-futur tal-UE (70% f’Malta). Biex dan l-ottimiżmu jkompli jikber u jissarraf f’futur tassew pożittiv, iċ-ċittadini għandhom dejjem ikunu infurmati dwar x’qed iseħħ fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE u x’opportunitajiet hemm f’dawn l-inizjattivi. Għalhekk, hu importanti li entitajiet bħall-MEUSAC, iwasslu b’mod effettiv l-informazzjoni dwar l-UE u l-inizjattivi tagħha.

 

Din is-sena, il-MEUSAC biħsiebha tkompli tibni fuq ta’ qabilha. Is-sena l-oħra, kienet sena impenjattiva għall-MEUSAC bit-twaqqif tal-entità bħala aġenzija pubblika u bi proċess ta’ rebranding biex tkun tista’ taqdi aħjar il-funzjonijiet tagħha li tiffaċilita d-djalogu mas-soċjetà ċivili, li tassisti organizzazzjonijiet mhux governattivi u kunsilli lokali biex jiksbu fondi mill-UE, u li tipprovdi informazzjoni liċ-ċittadini dwar l-UE.

 

Tajjeb insemmu li ftit ġimgħat ilu, il-MEUSAC ġie maħtur mill-Kummissjoni Ewropea biex iservi ta’ ċentru tal-informazzjoni dwar l-UE. Dan iċ-ċentru jissejjaħ Europe Direct (EDIC) u li bħalu, fil-pajjiżi tal-UE jinsabu madwar 500 uffiċċju, bi tnejn minnhom jinsabu f’Malta u wieħed f’Għawdex. L-EDIC isservi bħala punt ta’ kuntatt għaċ-ċittadini. Barra minn hekk, għalkemm il-MEUSAC ilha sservi bħala ċentru ta’ informazzjoni dwar l-UE minn meta reġa’ twaqqaf fl-2008, grazzi għall-EDIC, il-MEUSAC se tkun tista’ ssaħħaħ is-servizzi tagħha, kif ukoll ittejjeb l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet biex jikber l-għarfien dwar politiki u inizjattivi oħra tal-UE.

 

Barra minn hekk, din is-sena wkoll, il-MEUSAC ħadet fondi tal-UE mill-Fond Soċjali Ewropew biex twettaq proġett li bih ittejjeb is-servizzi li toffri lis-soċjetà ċivili, l-imsieħba soċjali u l-pubbliku ġenerali.

 

Matul is-sena, kull min hu interessat jista’ jsegwi dak li jkun qiegħda tagħmel il-MEUSAC u l-aħħar aħbarijiet mill-UE jista’ jżur il-website (meusac.gov.mt) u kif ukoll il-paġna Facebook tal-aġenzija (facebook.com/meusacmalta), jew inkella billi jċempel fuq 2200 3300 jew jibgħat email fuq info.meusac@gov.mt