News Details

Artiklu miktub minn Joe Sciberras – Maniġer, MEUSAC

13 November 2017

 

Il-MEUSAC jiġġedded biex iqarreb iċ-ċittadini lejn l-UE


Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 13.11.17


F’konferenza tal-aħbarijiet fit-30 ta’ Ottubru, il-MEUSAC nieda uffiċjalment proċess ta’ tiġdid biex ikun jista’ jaqdi aħjar il-funzjonijiet tiegħu:  li jistimula d-dibattitu nazzjonali dwar l-ideali, il-valuri u l-għanijiet tal-UE; li jservi ta’ forum ta’ konsultazzjoni dwar liġijiet u politiki tal-UE; li jwassal l-informazzjoni dwar l-istess liġijiet u politiki, u dwar id-drittijiet u l-obbligi taċ-ċittadini fl-Unjoni; u li jgħin lill-għaqdiet mhux governattivi u lill-kunsilli lokali biex japplikaw għall-UE għall-proġetti tagħhom. Ta’ min jgħid li mill-2008 sal-lum, il-MEUSAC għen lil għaqdiet governattivi, kunsilli lokali u entitajiet tal-gvern biex jibbenefikaw minn iktar minn €35 miljun f’fondi.


Il-proċess ta’ tiġdid tal-MEUSAC beda madwar sena ilu, meta fid-diskors tal-baġit, il-Ministru għall-Finanzi ħabbar li l-MEUSAC kienet se titwaqqaf bħala aġenzija governattiva bil-għan li jissaħħaħ il-proċess ta’ Ewropejizzazzjoni tal-pajjiż. Dan ifisser proċess li bih il-pajjiż u ċ-ċittadini jħossuhom iktar parti mill-UE. Minn dakinhar inbeda proċess li bih il-MEUSAC ġie stabbilit bħala aġenzija pubblika biex ikun jista’ jaqdi aħjar il-funzjonijiet tiegħu.


Stħarriġiet tal-Ewrobarometru li saru sa mis-sħubija ta’ Malta fl-2004 u li jkejlu l-opinjoni pubblika dwar l-UE wrew li ċ-ċittadini Ewropej f’Malta huma fost l-iktar li għandhom għarfien dwar l-UE u wkoll li jixtiequ jkunu jafu iktar dwarha biex jipparteċipaw bis-sħiħ fiha. Il-MEUSAC kellu sehem importanti f’dawn il-kisbiet u issa, bit-twaqqif bħala aġenzija governattiva se jkun f’pożizzjoni aħjar biex itejjeb l-għarfien dwar l-UE u jsarrfu f’benefiċċji għaċ-ċittadini fil-ħajja ta’ kuljum.


Matul din is-sena, it-tiġdid tal-MEUSAC kien jikkonsisti primarjament f’dehra ġdida tal-organizzazzjoni biex jilħaq aħjar liċ-ċittadini fiż-żminijiet tal-lum u biex b’inizjattivi konkreti jqarreb aktar liċ-ċittadini lejn l-UE. Dan ġie rifless kemm fl-iżvilupp ta’ logo ġdid għall-aġenzija u wkoll fi pjan ta’ azzjoni aktar effettiv fix-xhur u s-snin li ġejjin.


Inizjattiva importanti kienet li jissaħħaħ il-Core Group tal-MEUSAC magħmul minn rappreżentanti tal-Gvern, tal-korpi kostitwiti, tas-soċjetà ċivili, tal-parlament nazzjonali u dak Ewropew, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u tal-Kumitat tar-Reġjuni. Il-Core Group tal-MEUSAC jiltaqa’ biex jiddiskuti proposti ta’ liġijiet tal-UE u materji oħra ta’ importanza nazzjonali. L-aħħar Core Group, pereżempju, iddiskuta l-miżuri proposti mill-UE biex itejbu l-bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u dik familjari. Sa mis-sena l-oħra, il-Core Group kien strument importanti fit-tħejjijiet u fl-andament tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-UE, waqt li din is-sena qiegħed ikun forum importanti fid-diskussjonijiet dwar in-negozjati tal-Brexit u kif jaffettwaw lil pajjiżna. Laqgħat importanti matul is-sena jkunu dawk mal-Prim Ministru li fihom il-membri jwasslulu t-tħassib u s-suġġerimenti tagħhom biex Malta tkun dejjem aktar effettiva fl-UE bħalma diġà kienet.


Il-MEUSAC għandu wkoll il-kumitati settorjali magħmulin minn għaqdiet mhux governattivi li jiddiskutu proposti leġiżlattivi li jolqtu setturi differenti tas-soċjetà. Ma jonqsux ukoll il-konsultazzjonijiet mas-settur privat u mal-pubbliku.


It-tiġdid tal-MEUSAC qiegħed isir fi żmien kruċjali għall-UE, żmien li fih għaddejjin diskussjonijiet dwar x’għandu jkun il-futur ta’ din l-Unjoni, żmien li fih l-UE bdiet tiffaċċja sfidi kbar fosthom l-immigrazzjoni, it-terroriżmu, l-impjiegi, is-sentiment ta’ xettiċiżmu dwar il-proġett Ewropew u fuq kollox id-deċiżjoni li r-Renju Unit ma’ jibqax Stat Membru tal-UE. Hawn ukoll, il-MEUSAC għandu sehem importanti biex jistimula f’pajjiżna d-dibattitu dwar il-futur tal-Ewropa. Għal dan il-għan, fl-aħħar ġimgħat il-MEUSAC organizza tliet konferenzi għal setturi differenti tas-soċjetà li kellhom bħala temi d-dokumenti ta’ riflessjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-futur tal-UE f’dinja globalizzata, id-dimensjoni soċjali tal-UE u l-futur tal-finanzi tal-UE.


Il-MEUSAC se jkun qiegħed ukoll iħeġġeġ kemm jista’ jkun setturi differenti tas-soċjetà u lill-pubbliku biex iwassal il-veduti tiegħu b’modi differenti dwar il-futur tal-Ewropa, anki billi jieħu sehem f’konsultazzjonijiet li qegħdin isiru fuq livell Ewropew.


Is-suċċess tas-sħubija fl-UE jiddependi fuq kemm iċ-ċittadini tiegħu jħossu li jagħmlu parti minn għaqda ta’ pajjiżi kbar u żgħar li jħaddnu valuri komuni li matul is-snin biddlu lill-Ewropa f’attur globali. Is-sħubija ta’ pajjiżna fl-UE tkun effettiva daqskemm il-parteċipazzjoni fiha tkun sħiħa.