News Details

Artiklu miktub minn Joe Sciberras – Manager, MEUSAC

4 September 2017

 

L-Unjoni Ewropea u l-Globalizzazzjoni

 

Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 04.09.17

 

Il-kelma ‘globalizzazzjoni’ tintuża ta’ spiss u minn ħafna nies biex jirreferu għall-fatt li d-dinja saret qisha pajjiż wieħed. Dan il-fenomenu mhuwiex xi ħaġa ġdida, tant li ħafna jgħidu li għandu żmien kemm ilu jeżisti l-bniedem, li minn dejjem kien jivvjaġġa minn post għall-ieħor, kemm għall-kummerċ u kemm biex ifittex ħajja aħjar f’pajjiżi oħra. Madankollu, f’dawn l-aħħar għoxrin, tletin sena, seħħew ħafna bidliet kbar u mgħaġġla fl-ekonomiji u fil-modi ta’ għajxien fid-dinja. In-nies resqu viċin ħafna ta’ xulxin permezz tal-kummerċ, l-innovazzjoni teknoloġika u l-internet, fost l-oħrajn.

 

Bħal f’kollox, il-fenomenu tal-globalizzazzjoni għandu l-benefiċċji u l-iżvantaġġi. Ħafna jqisu li bil-globalizzazzjoni sar progress f’ħafna pajjiżi fid-dinja biż-żieda fl-impjiegi ta’ kwalità li jħallsu aktar, li l-konsumaturi jistgħu jixtru prodotti bi prezzijiet vantaġġjużi, li sar iktar faċli li tinqasam l-informazzjoni fi żmien qasir, u li saħansitra l-ikbar pajjiżi ngħaqdu ma’ oħrajn biex ikomplu jimxu ’l quddiem.

 

Oħrajn huma tal-fehma li waqt li l-globalizzazzjoni ressqet in-nies lejn xulxin, żiedet l-inugwaljanzi bejniethom u tellfet ħafna impjiegi, waqt li waqgħu lura dawk li m’għarfux ilaħħqu mal-bidliet li ġabet. B’hekk, skont dawn, żdiedu l-inġustizzji soċjali għaliex il-ġid li jinħoloq mhux jasal għand kulħadd. Ħafna wkoll iqisu l-globalizzazzjoni bħala theddida għall-identità, it-tradizzjonijiet u l-modi ta’ għajxien ta’ kulturi u pajjiżi differenti.

 

L-Unjoni Ewropea (UE) hija parti minn din ir-realtà. Anzi hemm min jgħid li l-UE, f’ċerti każi, hija vittma tas-suċċess tagħha stess għaliex waqt li tat spinta lill-globalizzazzjoni li tejbet f’ħafna modi l-ħajja taċ-ċittadini tagħha, ħolqot ħafna regoli u standards li naqqsu l-kompetittività fl-ekonomiji tagħha. Peress li r-regoli tal-UE f’setturi bħall-ambjent u l-impjiegi huma ogħla minn ta’ pajjiżi oħra, dawn setgħu naqqsu l-kompetittività tal-kumpaniji u n-negozji li jinvestu f’pajjiżi fejn il-prodotti u s-servizzi li jipproduċu jiġuhom irħas. F’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, ħafna pajjiżi barra mill-UE komplew iħarrxu l-kompetizzjoni b’pagi, standards ambjentali, jew taxxi iktar baxxi.

 

Fl-aħħar snin l-UE għarfet li kien hemm bżonn li tagħmel eżami tal-kuxjenza dwar it-triq ’il quddiem. Fil-fatt, fl-1 ta’ Marzu 2017, il-Kummissjoni Ewropea nediet proċess ta’ riflessjoni dwar il-futur tal-UE bil-pubblikazzjoni ta’ White Paper li tipproponi xenarji differenti għat-triq ’il quddiem għall-UE. Fix-xhur ta’ wara, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet erba’ dokumenti ffukati fuq il-ġejjieni tal-finanzi, l-Unjoni Ekonomika u Monetarja, is-sigurtà u d-difiża, u d-dimensjoni soċjali. Ma’ dawn ippubblikat ukoll dokument għad-diskussjoni dwar kif l-UE għandha tindirizza l-benefiċċji u l-isfidi tal-globalizzazzjoni fis-snin li ġejjin.

 

Fid-dokument dwar il-globalizzazzjoni, il-ħsieb ewlieni tal-Kummissjoni hu li l-UE la għandha tipproteġi żżejjed is-swieq tagħha u lanqas tieħu attitudni bierda. L-UE, skont id-dokument tal-Kummissjoni għandha tfittex li tilħaq ftehimiet ma’ pajjiżi barra minnha biex jikkoperaw flimkien fuq regoli komuni u standards għoljin, jippromwovu l-kompetizzjoni ġusta, u jiggarantixxu li l-ġid jitqassam aħjar. Wieħed irid iqis li fl-2025, 61% tal-popolazzjoni dinjija ta’ 8 biljun ruħ se tkun fl-Asja, l-aktar fiċ-Ċina u fl-Indja. Dan jista’ jwassal biex masses kbar ta’ nies jiċċaqalqu minn pajjiż għall-ieħor biex ifittxu ħajja aħjar. L-isfida hi li jsiru l-investimenti li jippromwovu ġejjieni ta’ paċi u ta’ prosperità fil-pajjiżi li minnhom isir dan iċ-ċaqliq.

 

L-UE trid tkun ukoll aktar proattiva fil-qasam tal-ħarsien soċjali u l-inugwaljanzi bejn nies fl-istess pajjiż u bejn pajjiżi u reġjuni differenti. L-UE trid taħdem biex iċ-ċittadini tagħha jkollhom l-edukazzjoni u l-ħiliet meħtieġa biex iżommu mar-ritmu tal-progress u l-avvanzi teknoloġiċi.

 

Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tħeġġeġ liċ-ċittadini biex jesprimu l-opinjoni tagħhom fuq id-dokumenti dwar il-Futur tal-Ewropa. Min ikun jixtieq jagħti l-kontribut tiegħu jista’ jidħol fis-sit elettroniku tal-Kummissjoni Ewropea jew jikkuntattja lill-MEUSAC bit-telefown 2200 3300 jew bl-email fuq info.meusac@gov.mt. Barra minn hekk, fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin, il-MEUSAC se jkun ukoll qiegħed jorganizza laqgħat ta’ diskussjoni marbuta mad-dokumenti ta’ riflessjoni tal-Kummissjoni Ewropea.