News Details

Artiklu miktub minn James Azzopardi - Uffiċjal Eżekuttiv, MEUSAC

9 August 2017

Il-parteċipazzjoni fl-isport tegħleb l-esklużjoni soċjali

Ippubblikat fil-magazine Sportiv – Lulju 2017

Fl-2015 kien rappurtat li madwar 23.7% tal-popolazzjoni tal-Unjoni Ewropea (UE), b’mod partikolari t-tfal, huma f’riskju ta’ faqar jew li jkunu esklużi mis-soċjetà. Dawn l-istatistiċi tal-Eurostat, l-uffiċċju tal-istatistika tal-UE,  jixħtu dawl fuq realtà li jgħixu fiha miljuni vulnerabbli ta’ nies madwar l-Ewropa, fosthom tfal, persuni b’diżabilità, refuġjati u immigranti. Minħabba s-sitwazzjoni ġa prekarja tagħhom, dawn il-persuni u l-familji jinqatgħu mis-soċjetà.

Fl-awtobijografija tiegħu, il-leġġendarju Johan Cruyff iddiskriva kif ħassu l-ewwel darba li kien involut f’attività  ta’ inklużjoni permezz tal-isport. Hu stqarr li dak li tirċievi meta tipparteċipa f’attività simili, hu ħafna iktar minn dak li tagħti, u li t-tbissima tat-tfal u tal-ġenituri kienet tkun rebħa fiha nnifisha. Dawn l-esperjenzi kkonvinċewh biex aktar tard fil-karriera tiegħu, joħloq fodnazzjoni li tgħin lill-persuni b’diżabilità jipprattikaw u jipparteċipaw f’diversi sport. Din il-fondazzjoni għadha sal-lum tferraħ u toffri opportunitajiet kemm lill-kbar u kemm liż-żgħażagħ. M’hemmx dubju li kull min hu involut f’xi organizzazzjoni sportiva li xi darba ħadet sehem fi proġett jew inizjattiva favur l-inklużjoni soċjali jaqsam l-istess sentimenti ta’ Cruyff.

Għall-UE, l-isport hu meqjus bħala għodda importanti biex tiżdied l-inklużjoni soċjali u għaldaqstant tfittex kif iżżid il-parteċipazzjoni sportiva li tista’ ġġib flimkien persuni ta’ etajiet, razez u kulturi differenti. Fost l-oħrajn l-UE tappoġġja u tiffinanzja inizjattivi u proġetti bl-iskop li nies vulnerabbli u f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni jersqu lejn komunità aktar aċċessibbli.

Fost il-proġetti li l-UE appoġġjat insibu l-iSport Inclusion Network (SPIN), il-Football Against Racism in Europe, magħruf aktar bħala FARE Network, il-European Sport Inclusion Network u s-Social Inclusion and Volunteering in Sports Clubs in Europe. Hu ta’ importanza kbira li l-UE tibqa’ tappoġġja proġetti u inizjattivi ta’ inklużjoni soċjali bl-isport u tħeġġeġ il-parteċipazzjoni fihom sabiex jitkattar sens ta’ għaqda fost il-komunitajiet tagħha.  

Bħalissa, wieħed jista’ jsib diversi opportunitajiet interessanti f’dan il-qasam għall-organizzazzjonijiet sportivi fl-UE, inkluż f’Malta. Dawn jinkludu opportunitajiet ta’ fondi, konsultazzjoni pubblika u rikonoxximent għal proġetti li rnexxew.

Fid-29 ta’ Ġunju, il-Kummissjoni Ewropea, għat-tieni sena konsekuttiva, nediet żewġ sejħiet għal applikazzjonijiet għal proġetti ta’ inklużjoni bl-isport. L-ewwel sejħa tittratta proġetti li jużaw l-isport bħala għodda għall-integrazzjoni u l-inklużjoni tar-refuġjati, u t-tieni sejħa tinkorpora proġett pilota dwar moniteraġġ u l-ikkowċjar ta’ żgħażagħ f’riskju ta’ radikalizzazzjoni. Dawk interessati li jibbenefikaw minn dawn l-opportunitajiet ta’ fondi tal-UE jistgħu jikkuntattjaw lill-MEUSAC għal iktar informazzjoni u għal iktar għajnuna rigward il-mili tal-applikazzjonijiet. L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu sa mhux aktar tard mit-18 ta’ Awwissu, 2017.

Bħalissa għaddejja wkoll konsultazzjoni pubblika onlajn dwar il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-valuri komuni permezz tat-tagħlim formali u mhux formali. L-għan hu li titkejjel l-opinjoni pubblika dwar kif l-edukazzjoni u t-tagħlim barra mill-iskola jistgħu jgħinu biex jinħolqu soċjetajiet aktar inklussivi. L-isport jista’ jgħin mhux ftit biex jikber it-taħlit soċjali bejn nies differenti u għalhekk hu importanti li kull minn għandu esperjenza f’dan il-qasam, jieħu sehem f’din il-konsultazzjoni. Ir-riżultati se jwasslu lill-Kummissjoni Ewropea biex toħroġ rakkomandazzjonijiet li jappoġġjaw lill-Istati Membri għal titjib fis-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ li jippromwovu l-inklużjoni soċjali u biex titwaqqaf ir-radikalizzazzjoni li twassal għal estremiżmu vjolenti. Il-konsultazzjoni hi miftuħa sal-11 ta’ Awwissu 2017, u dawk interessati jistgħu jikkuntattjaw lill-MEUSAC għal iktar informazzjoni.

Il-Kummissjoni Ewropea ħabbret ukoll il-#BeInclusive EU Sport Awards. Dawn il-premjijiet huma miftuħa għall-organizzazzjonijiet kollha tal-Istati Membri – pubbliċi, privati, kummerċjali jew mhux - li wettqu b’suċċess proġetti sportivi immirati lejn l-inklużjoni soċjali. Il-proġetti se jiġu evalwati skont l-impatt, l-effetti li ħallew u l-element innovattiv tagħhom. B’kollox se jkun hemm tliet rebbieħa li se jitħabbru f’ċerimonja speċjali ta’ premjazzjoni fit-22 ta’ Novembru fi Brussell, fejn ir-rebbieħa jkollhom l-opportunità li jippreżentaw il-proġetti tagħhom, filwaqt li jirċievu premju ta’ €10,000 kull wieħed. Kull min hu interessat hu mistieden li jissottometti l-proġett tal-organizzazzjoni tiegħu minn fuq il-websajt ec.europa.eu/sport sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Settembru, 2017.

Il-prattika tal-valuri sportivi, b’mod speċjali dak li jgħaqqad in-nies flimkien, jistgħu jkunu s-soluzzjoni għall-isfidi li qiegħda tiffaċċja l-Ewropa llum. Iktar ma jikber l-interess taċ-ċittadini fl-isport u l-inklużjoni, iktar l-UE tista’ tilħaq l-għan ewlieni li għalih twaqqfet, l-Għaqda fid-Diversità.