News Details

Artiklu miktub minn Lynn Spiteri – Uffiċjal Esekuttiv, MEUSAC

7 August 2017

 

Fondi tal-UE għal Edukazzjoni Inklussiva

 

Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 07.08.17

 

Studenti b’diffikultajiet fil-vista qed jingħataw għajnuna  biex jegħlbu l-ostakli li jiffaċċjaw fl-edukazzjoni tagħhom grazzi għal proġett finanzjat mill-programm Erasmus+ tal-Unjoni Ewropea (UE).

 

Il-MEUSAC għen lill-‘Association to Assist Visually Impaired Persons’ biex tissottometti l-applikazzjoni għal dan il-proġett. Permezz tal-ħidma tagħha, din l-assoċjazzjoni taf mill-qrib l-ostakli li jiffaċċjaw dawn l-istudenti li ħafna drabi jsibuha diffiċli biex isegwu l-lezzjonijiet bħal sħabhom meta jingħataw materjal tat-tagħlim stampat (handouts) jew meta jintuża apparat awdjoviżiv bħall-interactive screen. Jista’ jkun ukoll li ma jkunx hemm biżżejjed LSAs għal kull student b’dawn id-diffikultajiet, u l-għalliema jkunu jridu jaraw kif imexxu l-lezzjonijiet b’mod li jolqtu l-istudenti kollha. Jiġri wkoll ħafna drabi, li meta jinbidlu l-għalliema jew l-LSA, dawn ma jkunux esperjenzaw il-ħtiġijiet ta’ dawn it-tfal u kif tegħlibhom. Għalhekk, permezz ta’ dan il-proġett ser jiġu żviluppati żewġ korsijiet qosra: għall-għalliema u għall-ġenituri, biex ikunu preparati u jkunu jafu kif jagħmlu l-kurrikulu iktar aċċessibbli.

 

Il-proġett jinvolvi l-parteċipazzjoni ta’ għaqdiet minn Malta u erba’ pajjiżi oħra: l-Italja, ir-Repubblika Ċeka, il-Bulgarija u t-Turkija.  L-ewwel laqgħa tal-proġett saret f’Malta fis-17 u t-18 ta’ Lulju. Il-President tal-‘Association to Assist Visually Impaired Persons’, Joseph Cauchi, saħaq li, “element importanti tal-korsijiet li se noħolqu hu li niżviluppawhom minn isfel għal fuq, jiġifieri li l-istudenti, il-ġenituri u l-għalliema stess ser jidentifikaw il-ħtiġijiet biex jinħoloq kurrikulu tat-taħriġ”.

 

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo, li kien mistieden għal din il-laqgħa, esprima l-appoġġ tiegħu għall-għanijiet tal-proġett. Waqt li qal li huwa konxju tal-ostakli li jeżistu fl-inklużjoni ta’ dawn l-istudenti, semma l-importanza li l-LSAs ikollhom taħriġ li jippreparahom biex jgħallmu studenti b’abbiltajiet differenti.

 

L-ewwel fażi tal-proġett tinkludi riċerka f’kull pajjiż li qed jipparteċipa biex jiġu determinati d-diffikultajiet li qegħdin jiffaċċjaw dawn l-istudenti fil-klassi kif ukoll il-ġenituri, l-għalliema u l-LSAs tagħhom. Abbażi ta’ din ir-riċerka ser jinħolqu żewġ korsijiet: wieħed għall-ġenituri u l-ieħor għall-għalliema u l-LSAs. Dawn il-korsijiet ser jiġu ppruvati wkoll ma’ gruppi ta’ għalliema, LSAs u ġenituri f‘kull pajjiż biex jiġu modifikati skont il-bżonn.

 

Lejn tmiem il-proġett ser jiġi stabbilit forum fuq l-internet sabiex l-istudenti li se jibbenefikaw mill-proġett, il-ġenituri tagħhom, għalliema u LSAs, ikunu jistgħu jaqsmu esperjenzi, pariri u materjal edukattiv. B’hekk jiġi żgurat li l-proġett iħalli impatt pożittiv anke wara li jintemm. Hu maħsub ukoll li l-korsijiet u l-forum ikunu disponibbli għal kull min ikun interessat jużahom.

 

Permezz ta’ dan il-proġett, l-istudenti se jkunu jistgħu jsibu l-għajnuna meħtieġa sabiex isegwu l-lezzjonijiet bħal kull student ieħor. It-taħriġ lill-ġenituri, min-naħa l-oħra, jagħmilhielhom aktar faċli li jagħtu l-appoġġ lil uliedhom biex ikunu jistgħu jitgħallmu bl-istess pass bħal sħabhom tal-klassi. L- għalliema li se jkunu ħadu l-kors li ser jiġi mfassal għalihom bil-proġett ser ikunu kapaċi jużaw metodi ta’ tagħlim iktar inklussiv għal tfal b’diffikultajiet fil-vista.

 

Għal aktar informazzjoni dwar il-programm ta’ fondi Erasmus+ jew opportunitajiet ta’ fondi oħrajn tal-UE, tista’ tikkuntattja lill-MEUSAC fuq funding.meusac@gov.mt jew 2200 3300.