News Details

Artiklu miktub minn Samantha Pace Gasan – Uffiċjal Esekuttiv, MEUSAC

15 May 2017

 

Fondi Ewropej għas-settur agrikolu

 

Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 15.05.17

 

Is-settur tal-agrikoltura fl-Unjoni Ewropea (UE) jiġbor fih mat-22 miljun bdiewa, raħħala u ħaddiema oħra, waqt li mal-44 miljun impjieg fis-setturi tal-ipproċessar, il-bejgħ u s-servizzi relatati mal-ikel, jiddependu mill-agrikoltura.

 

Kien minħabba l-importanza ta’ dan is-settur li sa mill-1962, ftit snin wara t-twaqqif tal-Komunità Ekonomika Ewropea - illum l-UE, bdiet titħaddem il-Politika Agrikola Komuni (PAK) biex waqt li tipprovdi livell ta’ għajxien diċenti lill-bdiewa, issaħħaħ il-kompetittività u s-sostenibbiltà tas-settur agrikolu Ewropew. Il-PAK tiżgura wkoll it-twaqqif ta’ standards għas-saħħa tal-annimali, il-ħarsien tal-ambjent naturali, l-iżvilupp sostenibbli tal-ambjent rurali u s-sikurezza tal-ikel. B’hekk, din il-politika timmira li l-bdiewa jkomplu jipprovdu provvista stabbli ta’ ikel, prodotti sostenibbli u bi prezzijiet raġonevoli għal aktar minn 500 miljun ċittadin Ewropew.

 

Matul is-snin, il-PAK żviluppat u ġiet adattata għat-tibdil fl-ekonomija u għall-bżonnijiet taċ-ċittadini Ewropej. Illum il-ġurnata, il-PAK tikkonsisti f’baġit ta’ madwar €59 biljun għall-perjodu 2014-2020 li jingħataw skont żewġ programmi ta’ fondi Ewropej: il-‘Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija’ u l-‘Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali’. Tal-ewwel  jipprovdi finanzjament għal pagamenti diretti lill-bdiewa, għall-ġestjoni tas-swieq agrikoli u għal għadd ta’ għanijiet oħra bħal miżuri veterinarji u għas-saħħa tal-pjanti. B’dawn il-fondi jsiru wkoll programmi ta’ tqassim tal-ikel, kampanji ta’ użu aħjar mill-ikel għas-saħħa u miżuri marbuta mas-sikurezza tal-ikel, u attivitajiet oħra ta’ informazzjoni. It-tieni Fond huwa sors ta’ finanzjament mill-UE għall-programmi tal-Iżvilupp Rurali tal-Istati Membri. Għall-Programm tal-Iżvilupp Rurali tagħha, Malta għandha allokati €130 miljun, b’75% provduti mill-Kummissjoni Ewropea.

 

Il-Programm tal-Iżvilupp Rurali għal Malta jinkorpora tnax-il miżura li huma bbażżati fuq ħames bżonnijiet: l-ilma, l-iskart u l-enerġija; prodotti Maltin ta’ kwalità; is-settur sostenibbli tal-annimali; il-pajsaġġ u l-ambjent naturali; u l-ekonomija rurali u l-kwalità ta’ ħajja aħjar.

 

Matul din is-sena ġew ippubblikati bosta sejħiet għal applikazzjonijiet għall-fondi li taw opportunitajiet diversi lill-bdiewa, fuq livell individwali jew fi gruppi, għaqdiet u anke kunsilli lokali. Fost dawn is-sejħiet, inħarġet sejħa għal proposti taħt sottomiżura 4.4: ‘Investimenti mhux produttivi marbuta mal-ilħuq tal-objettivi agroambjentali u klimatiċi’.

 

L-għan ta’ din il-miżura hu li titjieb il-qagħda tal-klima tal-agrikoltura u l-ambjent billi jiġu megħjuna finanzjarjament il-bdiewa u r-raħħala biex jinvestu fir-restawr tal-ambjent naturali u l-pajsaġġi, il-konservazzjoni tal-ħamrija u l-ġestjoni tal-ilma. Il-proġetti li jsiru, iżda, m’għandux ikollhom previst xi qligħ jew dħul ekonomiku għar-razzett jew negozju rurali ieħor. Biex ikunu eliġibbli, investimenti taħt din il-miżura jridu jkunu wkoll konformi mal-liġijiet għall-protezzjoni tal-ambjent, kemm nazzjonali u wkoll tal-UE.

 

Fost l-azzjonijiet li jistgħu jsiru taħt din is-sejħa nsibu r-restawr tal-ambjent naturali u l-pajsaġġi,  ir-restawr tal-karatteristiċi tal-pajsaġġ rurali u strutturi agrikoli; xogħlijiet meħtieġa biex jiffaċilitaw il-konservazzjoni tal-ilma u tal-ħamrija; il-bini jew ir-restawr ta’ ħitan tas-sejjieħ; u tħawwil ta’ siġar għall-ġestjoni tal-ħamrija u għall-kontroll tat-telf tal-ħamrija minħabba l-erożjoni.

 

Għal din is-sejħa, li tapplika għall-bdiewa, negozji, entitajiet pubbliċi fis-settur agrikolu jew rurali, jew kunsilli lokali, id-Diviżjoni għall-Fondi u Programmi Ewropej fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Twettiq tal-Manifest Elettorali, qiegħda talloka €12-il miljun. Ir-rata ta’ kofinanzjament hija ta’ 80% u għaldaqstant l-applikanti jkunu mistennija joħorġu 20% tal-ispejjeż. Madankollu, il-massimu ta’ fondi li jistgħu jiġu mogħtija għal kull proġett huwa ta’ €150,000, eskluża l-VAT.

 

Din is-sejħa se tibqa’ miftuħa sa ma jintużaw il-fondi allokati.

 

Għal iktar informazzjoni fuq din il-miżura jew opportunitajiet ta’ fondi tal-UE, tista’ tikkuntattja lill-MEUSAC fuq funding.meusac@gov.mt jew 2200 3300.