Event Details

MEUSAC Core Group Meeting with the Prime Minister

19 June 2017

Waqt diskussjoni mal-imsieħba soċjali u mar-rapprezentanti tas-soċjeta’ ċivili fil-MEUSAC, il-Prim Ministru Joseph Muscat laqa’ l-proposta li saret minn waħda mill-għaqdiet preżenti u qabel li minn żmien għal żmien jibdew isiru laqgħat tal-MEUSAC fejn il-membri tal-Core Group jiġu infurmati b’dak li jkun għaddej fin-negozjati mar-Renju Unit biex dan il-pajjiż jitlaq mill-Unjoni Ewropea (UE).

Il-Prim Ministru kien qed jieħu sehem fil-laqgħa li jkollu mal-Core Group tal-MEUSAC f’Ġunju u f’Diċembru – qabel il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew. F’din il-laqgħa ħa sehem għall-ewwel darba minn mindu nħatar bħala Segretarju Parlamentari għall-Fondi tal-UE u Djalogu Soċjali, Dott. Aaron Farrugia.

Fid-diskors ta’ introduzzjoni, il-Prim Ministru Joseph Muscat irrefera wkoll għat-twaqqif riċenti tal-MEUSAC bħala aġenzija tal-Gvern. Dott. Muscat qal li l-MEUSAC huwa l-għodda li għandu bżonn il-pajjiż biex fil-qafas ta’ Ministeru wieħed li jinkludi l-Affarijiet Ewropej u d-Djalogu Soċjali, jinħolqu sinerġiji ma’ entitajiet governattivi oħra bħall-MCESD biex b’hekk jinkisbu aktar riżultati tanġibbli fl-Ewropeizzazzjoni tal-pajjiż.

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-(UE). Hu qal li din serviet biex nibnu kapaċitajiet li qabel ma kellniex u biex jinfetħu l-bibien beraħ tal-istituzzjonijiet tal-UE u pajjiżi oħra. L-isfida għall-pajjiż hi li wara li tintemm il-Presidenza Maltija, il-kuntatti u l-għarfien li nbnew jibqgħu jikbru u jħallu effetti pożittivi fis-sistema governattiva u fost l-imsieħba soċjali.

Fl-introduzzjoni tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Farrugia semma l-impenn tiegħu biex il-MEUSAC jibqa’ jkun strument ta’ djalogu soċjali b’saħħtu. Waqt li stqarr li l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili għandhom jibqgħu involuti fit-tfassil tal-politika tal-pajjiż, anke fil-qasam tal-UE, is-Segretarju Parlamentari radd ħajr għas-sehem tal-imsieħba soċjali u għall-koperazzjoni u l-kontribut permezz tal-fora differenti li huma msieħba fihom, lokalment u internazzjonalment.

Il-Kap tal-MEUSAC, Dott. Vanni Xuereb, tkellem ukoll dwar it-twaqqif tal-MEUSAC bħala aġenzija governattiva u kif din hija opportunità biex l-istrutturi u l-operat tal-MEUSAC jiġġeddu ħalli tissaħħaħ ir-relevanza tiegħu fl-Ewropeizzazzjoni tal-pajjiż permezz tad-djalogu soċjali, aċċess iktar b’saħħtu għall-fondi tal-UE u għal soċjetà li tkun taf dak li hu għaddej fuq livell Ewropew u li tinteressa ruħha dwar il-futur tal-proġett Ewropew.

Fost il-punti li qajmu l-membri kien hemm il-Brexit u l-impatt tiegħu, il-kompetittività, id-Direttiva dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema (posting of workers), l-Istrateġija Industrijali Ewropea, il-ħaddiema barranin f’Malta, il-proposta ta’ Direttiva dwar test tal-proporzjonalità qabel l-adozzjoni ta’ regolamentazzjoni ġdida tal-professjonijiet u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Diversi membri semmew ukoll l-inizjattivi li ħadu fuq livell Ewropew matul il-Presidenza speċjalment ma’ għaqdiet simili.

 

Dokumenti

 

Rapporti fil-Media

 

Ritratti