Event Details

MEUSAC Core Group Meeting

27 November 2017

Fil-laqgħa tal-Core Group tal-MEUSAC li saret nhar it-Tnejn, 27 ta' Novembru 2017, taħt il-presidenza tas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u d-Djalogu Soċjali, l-Onor. Aaron Farrugia, ġie diskuss l-andament tan-negozjati dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea (UE), magħruf iktar bħala Brexit.

Fil-kummenti ta’ intoduzzjoni għall-laqgħa, is-Segretarju Parlamentari Farrugia rrefera għat-tliet punti ta’ prijorità fin-negozjati: d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE u tar-Renju Unit; il-pakkett finanzjarju li se jkun dovut mir-Renju Unit lill-UE; u l-kwistjoni tal-fruntiera fl-Irlanda. Huwa qal ukoll li hu importanti li minn issa Malta tfassal pjan għal wara l-Brexit.

Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza, l-Onor. Helena Dalli, tkellmet dwar id-diskussjonijiet li qed isiru fil-Kunsill tal-UE għall-Affarijiet Ġenerali fejn is-suġġett tal-Brexit qed jieħu ħafna mill-ħin tal-laqgħat. Hija tkellmet ukoll dwar it-taqsima tal-Brexit li twaqqaf fis-Segretarjat tal-UE fil-Ministeru tagħha u kif dan wasal biex jikkonkludi l-konsultazzjonijiet mal-ministeri kollha tal-Gvern biex fl-aħħar mill-aħħar titfassal pożizzjoni komuni.

Is-Sur Glenn Micallef, koordinatur ta’ din it-taqsima, spjega l-andament tan-negozjati dwar il-Brexit billi ta rendikont dwar il-progress li sar sa issa. Semma kif dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fir-Renju Unit u ċittadini tar-Renju Unit li jgħixu f’xi Stat Membru tal-UE, jidher li l-ftehim jinsab fil-qrib. Dwar il-pakkett finanzjarju li bih ir-Renju Unit għandu jonora l-obbligi li ħa bħala Stat Membru tal-UE, is-Sur Micallef qal li dawn għadhom iridu jiġu finalizzati. It-tielet kwiestjoni tikkonċerna l-fruntiera fl-Irlanda. Is-sur Micallef qal li sa issa ġew identifikati 142 qasam komuni li fuqhom iridu jsiru diskussjonijiet biex ikun żgurat li jinżammu l-istandards u r-regoli li bħalissa japplikaw għas-Suq Waħdieni.

Is-Sur Micallef tkellem ukoll dwar prospetti diversi għal relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit wara l-Brexit. Bħalissa qed isiru diskussjonijiet esploratorji bejn s-27 Stat Membru dwar dan peress li l-Kunsill Ewropew qagħad irif jiddeċiedi jekk jibdewx it-taħdidiet bejn is-27 u r-Renju Unit dwar l-arranġament il-ġdid ta’ wara l-Brexit. Semma kif jista’ ikun hemm perjodu ta’ tranżizzjoni li matulu r-regoli tal-UE jibqgħu japplikaw fir-Renju Unit wara li dan joħroġ mill-UE, kif ukoll perjodu ta’ tranżizzjoni sakemm jidħlu fis-seħħ għal kollox l-arranġamenti tal-ftehim li ser ikun qed jirregola r-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit.

Membri tal-Core Group, li jinkludi uffiċjali għolja tal-gvern, membri tal-parlament Ewropew u tal-parlament Malti, rappreżentanti tal-korpi kostitwiti, tas-soċjetà ċivili u tal-korpi konsultattivi tal-UE, kellhom l-opportunità iqajjmu diversi punti fosthom dwar aspetti relatati mal-oqsma tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-kwalifiki professjonali, il-benefiċċji soċjali, is-sigurtà u d-difiża.

 

Dokumenti

 

Stqarrija għall-Istampa

 

Ritratti