Inizjattivi ġodda tal-UE għat-tnaqqis tal-iskart

Artiklu miktub minn James Azzopardi – Uffiċjal Esekuttiv, MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 11.06.18

Aktar kmieni din is-sena, il-programm dwar in-natura Blue Planet II immexxi mill-preżentatur u n-naturalist famuż David Attenborough, rebaħ l-hekk imsejjaħ Impact Award minħabba l-messaġġ tal-programm. F’xena partikolari, wieħed jista’ jara balena ‘mnikkta’ għat-telfa tal-wild tagħha, li aktarx miet minħabba kontaminazzjoni minn skart mormi fl-baħar. Fl-istess waqt, l-edizzjoni ta’ dan ix-xahar tal-magażin famuż National Geographic terġa’ tittratta dwar din il-problema sostanzjali: l-iskart u r-rimi tal-plastik fil-baħar. Il-magażin iġib numru ta’ ritratti ta’ swied il-qalb li juru d-danni li l-plastik jagħmel fl-ekosistema u lill-kreaturi tal-baħar.

Aktar ma jmur, din il-problema aktar qed tikber. Min-naħa l-oħra, anki l-għarfien dwarha qed jiżdied. Madwar id-dinja, 85% tal-iskart fil-baħar huwa plastik. Dan l-iskart isarraf f’ħafna problemi  ambjentali u tas-saħħa li jaffettwaw mhux biss l-ekosistema tal-baħar, iżda l-ħajja fuq l-art ukoll. Fil-fatt, il-plastik saħansitra qed jispiċċa fil-pulmuni u fuq l-imwejjed tal-ikel tagħna. Fl-istess waqt, il-bniedem għadu mhux ċert kemm hu kbir l-impatt li għandhom il- partiċelli tal-plastik fl-arja, fl-ilma u fl-ikel fuq is-saħħa tal-bniedem.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi regoli ġodda għall-UE dwar “għaxar prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss, li jinsabu ta’ spiss fix-xtajtiet u l-ibħra tal-Ewropa, kif ukoll għall-irkaptu tas-sajd mitluf u abbandunat”. Fi stqarrija, il-Kummissjoni saħqet li huwa obbligu li tiġi indirizzata l-problema tal-plastik u tista’ twassal għal opportunitajiet ġodda fl-innovazzjoni, il-kompetittività u l-ħolqien tax-xogħol.

L-iskart (single-use platics) li se jkun indirizzat b’mod primarju permezz ta’ dawn ir-regoli jikkonsisti fi straws, fliexken/bottijiet tal-plastik, basktijiet tal-plastik, kontenituri tal-ikel, cotton buds, frieket u skieken tal-plastik, tazzi tal-plastik, loqom tas-sigaretti, wet wipes, pakketti tal-ħelu u apparat tas-sajd.

Ir-raġuni għal din l-għażla hi li dawn l-għaxar affarijiet u l-apparat tas-sajd huma fost l-aktar li jintużaw miċ-ċittadini u jifformaw parti kbira mill-iskart li jispiċċa fil-baħar (madwar 43% mit-total tal-iskart kollu, filwaqt li l-apparat tas-sajd jifforma 27% oħra).

Fil-proposta tagħha, il-Kummissjoni ssuġġeriet, fost l-oħrajn, it-tneħħija ta’ prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss, obbligi għall-produtturi (speċjalment għall-immaniġġjar tal-iskart) u l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti ġodda tat-tikkettar.

Minkejja li dawn il-proposti diġà jistgħu jwittu t-triq għal ambjent aħjar, il-Kummissjoni introduċiet ukoll diversi miri li jinkludu tip ieħor ta’ skart, fosthom li sal-2035, 65% tal-iskart iġġenerat ta’ kuljum irid ikun riċiklat. L-istess jgħodd għall-injam (30% sal-2030) u għall-ħġieġ (75% sal-2030), fost materjali oħra.

Il-Kummissarju għall-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, Karmenu Vella, stqarr li “Il-miri ġodda ta’ riċiklaġġ u tar-rimi fil-miżbliet jistabbilixxu perkors kredibbli u ambizzjuż għal ġestjoni aħjar tal-iskart fl-Ewropa. Il-kompitu ewlieni tagħna issa huwa li jiġi żgurat li l-wegħdiet li huma mnaqqxa f’dan il-pakkett dwar l-iskart jiġu attwati. Il-Kummissjoni se tagħmel dak kollu li tista’ biex twassal il-leġiżlazzjoni l-ġdida sal-livell lokali.”

Dawn l-isforzi tal-UE huma mmirati li jagħmlu parti minn dik li tissejjaħ l-ekonomija ċirkolari. Din it-tip ta’ ekonomija hi bbażata fuq is-sostenibbiltà u mhux fuq il-ħela. Għalhekk din il-proposta u sforzi simili huma importanti biex fost iċ-ċittadini fl-UE u fl-Istati Membri jiżdied ir-riċiklaġġ tal-prodotti u fejn hu possibbli jiġu użati mill-ġdid u mhux mormijin bla rażan.

« Back