It-tkabbir tal-UE

Artiklu miktub minn Mark Abdilla – Uffiċjal Esekuttiv, MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 28.05.18

Minkejja li s-sena d-dieħla, l-Unjoni Ewropea (UE) ħa titlef Stat Membru wara d-deċiżjoni tar-Renju Unit li jitlaq mill-Unjoni, l-UE xorta tibqa’ kommessa sabiex tkompli taħdem favur Ewropa b’saħħitha, stabbli u magħqudha. Dan kien ċar fil-laqgħa li saret fis-17 ta’ Mejju 2018, bejn il-Kapijiet ta’ Stat jew Gvern tal-Istati Membri, uffiċjali għolja tal-UE, u l-kapijiet ta’ sitt pajjiżi fil-Balkani tal-Punent li bħalissa qegħdin fil-proċess biex ikunu jistgħu jissieħbu bħala Stati Membri meta jkun il-waqt. Dawn huma: l-Albanija, is-Serbja, l-Eks-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja, il-Montenegro, il-Bożnija-Ħerzegovina, u l-Kosovo.

Biex pajjiż jissieħeb fl-UE, jeħtieġ jissodisfa ċerti kriterji stabbiliti fit-Trattati. Dawn il-kriterji jinkludu diversi kundizzjonijiet, fosthom li l-pajjiż ikollu istituzzjonijiet stabbli li jassiguraw id-demokrazzija, ekonomija b’saħħitha li tkun kapaċi tikkompeti ma’ Stati Membri oħrajn, kif ukoll stabbiltà fir-relazzjonijiet tal-pajjiż mal-pajjiżi ġirien.

Il-Prim Ministru Malti Joseph Muscat, ukoll ħa sehem fis-summit u enfasizza l-importanza li għandhom il-pajjiżi tal-Balkani fil-kuntest tas-sigurtà tal-UE u kif ukoll dak tal-influss tal-immigrazzjoni. Qal ukoll li għandu jkun hemm reżistenza biex dawn il-pajjiżi jissieħbu fl-UE qabel ma jissodisfaw il-kriterji essenzjali biex isiru Stati Membri.

Fil-fatt, din il-laqgħa rriżultat fid-dikjarazzjoni ta’ Sofija, li twitti t-triq ‘il quddiem fir-relazzjonijiet bejn l-UE u s-sitt pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. Id-dikjarazzjoni tikkonferma d-dedikazzjoni tal-UE biex tipprovdi għajnuna lill-Istati Membri prospettivi. Fl-istess waqt, il-pajjiżi kkommettew li jkomplu l-ġlieda tagħhom kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità, waqt li jkomplu jsaħħu d-demokratizzazzjoni tas-soċjetajiet tagħhom. Id-dikjarazzjoni wkoll tikkunsidra l-passat tar-reġjun, b’mod partikolari l-kunflitt li rriżulta wara t-tifrik tal-Jugoslavja. Dan il-kunflitt ħalla effett enormi fuq ir-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi differenti. Sabiex ikomplu jaħdmu lejn iktar koperazzjoni fir-reġjun, l-UE u l-pajjiżi tal-Balkani qablu li jkomplu jaħdmu favur l-istabbiltà, u li l-pajjiżi kontinwament isaħħu r-relazzjonijiet ta’ bejniethom.

Din il-laqgħa ġiet organizzata bħala parti mill-programm ta’ ħidma tal-Presidenza Bulgara tal-Kunsill tal-UE. Waħda mill-prijoritajiet prinċipali tal-Bulgarija hija fil-fatt l-attenzjoni għar-reġjun tal-Balkani tal-Punent, b’mod partikolari biex jgħin lil dawn il-pajjiżi joqorbu lejn l-UE, u jkun hemm iktar promozzjoni tal-prinċipji u l-valuri tagħha tal-UE f’dawn il-pajjiżi, fosthom il-paċi, il-ġustizzja, u l-ugwaljanza. Huwa notevoli li tnejn mill-Istati Membri tal-UE kienu jiffurmaw parti mill-Jugoslavja: is-Slovenja, li ssieħbet mal-UE fl-2004, u l-Kroazja, l-aħħar pajjiż li ssieħeb mal-UE, fl-2013. Dan ifisser li minkejja l-kunflitti li kien hemm fir-reġjun tal-Balkani fis-snin disgħin, dawn is-sitt pajjiżi jistgħu jaħdmu flimkien mal-UE biex ikomplu jsaħħu s-sens ta’ għaqda madwar l-Ewropa u l-ħbiberija, mhux biss bejniethom, imma mal-kumplament tal-Istati Membri.

B’mod partikolari, din il-laqgħa kienet importanti fil-kuntest tad-dibattitu dwar il-futur tal-UE. Il-ħruġ imminenti tar-Renju Unit mill-UE qanqal diskussjoni wiesgħa fuq kif l-UE ħa timxi ’l quddiem b’27 Stat Membru. Fl-istess waqt, l-UE qed iżżomm il-bibien miftuħin għal dawk il-pajjiżi li jixtiequ jissiebħu magħha, u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent huma kandidati attraenti ħafna. Dan mhux biss għaliex fil-futur jistgħu jsiru Stati Membri ġodda, imma wkoll għaliex ir-reġjun tal-Balkani huwa reġjun importanti għas-sigurtà tal-UE, u jifforma parti importanti ta’ waħda mir-rotot li ħafna rifuġjati jużaw sabiex jidħlu fl-UE.

Il-futur tal-UE jiddependi minn ħafna fatturi differenti, imma fl-aħħar mill-aħħar hu importanti li l-pajjiżi kollha jibqgħu magħqudin u jkomplu jaħdmu flimkien. Din il-laqgħa bejn il-pajjiżi kompliet issaħħaħ din is-sens ta’ għaqda u koperazzjoni, u uriet li l-UE ħa tkompli miexja ’l quddiem minkejja l-fatt li r-Renju Unit hu mistenni li jtemm is-sħubija tiegħu mal-UE fl-aħħar ta’ Marzu tas-sena d-dieħla.

« Back

Leave a Reply

XHTML: You can use these tags: <a href="" title=""> <abbr title=""> <acronym title=""> <b> <blockquote cite=""> <cite> <code> <del datetime=""> <em> <i> <q cite=""> <s> <strike> <strong>