Il-MEUSAC jgħin aktar organizzazzjonijiet jibbenefikaw minn fondi Ewropej

Artiklu miktub minn Mandy Falzon – Direttur, Fondi UE, MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 14.05.18

Il-ġimgħa l-oħra,  16-il organizzazzjoni mhux governattiva u 6 kunsilli lokali ngħataw fondi tal-Unjoni Ewropea biex iwettqu 22 proġett ta’ restawr ta’ siti storiċi u kulturali, jinvestu f’siti li jżidu l-valur tal-prodott turistiku lokali u kif ukoll biex iżidu l-investiment f’sistemi ta’ enerġija rinnovabbli bħall-pannelli fotovoltajċi. Il-fondi ngħataw mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali b’valur totali ta’ aktar minn €23 miljun.

Il-MEUSAC kien strumentali biex uħud minn dawn l-organizzazzjonijiet setgħu jiksbu l-fondi billi pprovdielhom l-informazzjoni dettaljata fuq il-kriterji li bihom setgħu japplikaw  u billi għenhom ukoll fil-mili tal-applikazzjoni.

Fost il-proġetti li se jsiru bil-fondi Ewropej li jiffukaw fuq  ir-restawr u r-rijabilitazzjoni ta’ bosta siti storiċi nsibu r-restawr tal-Katidral Anglikan ta’ San Pawl, il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, numru ta’ torrijiet tal-għassa li jinsabu matul il-kosta Maltija, it-twaqqif ta’mużew fil-Birgu li fih jinstabu  diversi oġġetti fosthom ix-xabla u l-kappell tal-Granmastru La Valette, il-mitħna fin-Naxxar li se tiġi mibdula f’ċentru kulturali, u r-restawr tal-arloġġ fl-Imtarfa, mibni fi żmien l-Ingliżi. Fejn tidħol l-istorja tal-ferrovija f’Malta, se jsir xogħol fuq l-istazzjonijiet tal-ferrovija f’Birkirkara u f’Ħ’Attard flimkien ma’ mużew iddedikat għall-istorja tal-ferrovija f’Malta.

Minbarra dan il-mużew, se jsiru żewġ mużewijiet oħra interessanti – l-ewwel mużew tal-Piroteknika f’Ħal Qormi u mużew ieħor fuq l-istorja tas-sajjieda tunnara fil-Mellieħa.

Eżempji oħra ta’ x’tipi ta’ proġetti ta’ restawr se jsiru, insibu r-restawr ta’ bosta knejjes u kunventi, ta’ opri tal-arti u ta’ dokumenti ekkleżjastiċi antiki.

L-għan aħħari ta’ dawn il-proġetti mhux biss li jkun hemm restawr u konservazzjoni ta’ dan il-wirt storiku u kulturali għall-Maltin u l-Għawdxin, imma wkoll li jikkontribwixxu b’mod dirett għal kwalità ogħla tal-esperjenza turistika li l-pajjiż għandu x’joffri u jiżdiedu n-numru ta’ turisti li jżuru Malta.

Kif għidna aktar qabel, flimkien mal-proġetti kulturali, ġew imħabbra wkoll proġetti li se jkunu qegħdin jinvestu f’pannelli fotovoltajċi. Fost dawn insibu l-għaqda OASI f’Għawdex, il-Malta Red Cross u l-iskola Santa Monika ta’ Birkirkara. Dawn il-proġetti huma intiżi biex jiżdied l-ammont tal- enerġija ġġenerata minn sorsi rinnovabbli u għadaqstant jitnaqqsu l-emissjonijiet u jkollna iktar enerġija nadifa. Iktar ma jkollna minn dawn il-proġetti, iktar titjieb il-kwalità tal-arja u tonqos id- dipendenza minn sorsi ta’ enerġija li jikkawżaw ħsara lill-ambjent. Li hu interessanti f’dawn il-proġetti hu li mhux biss jitpoġġew il-pannelli, imma li jintużaw bħala għodda għal aktar tagħlim fost l-istudenti dwar l-importanza ta’ iktar investiment  u ħarsien tal-ambjent li ngħixu fih.

Dawn il-proġetti jkompli jżidu mal-lista ta’ proġetti oħra li ġew approvati fix-xhur li għaddew mill- Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. L-għan ta’ dan il-fond hu li jsaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali fl-Unjoni Ewropea billi jnaqqas id-differenzi bejn ir-reġjuni tagħha. Dawn il-fondi jibqgħu kruċjali għal Malta biex tkun tista’ twettaq l-investiment fl-infrastruttura neċessarja sabiex il-pajjiż jilħaq il-miri stabbiliti fl-Istrateġija Ewropa 2020, fosthom fejn tidħol is-saħħa pubblika, l-ambjent, l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni, fl-intrapriżi , fit-trasport u fil-kwalità ta’ ħajja aħjar tas-soċjetà Maltija. Il-baġit allokat għal Malta taħt dan il-fond għas-snin 2014-2020 huwa ta’ madwar €718 miljun u għalhekk wieħed jista’ japprezza iktar l-impatt fuq l-investiment, l-ekonomija u l-impjiegi li jiġġeneraw il-proġetti finanzjati minn dawn il-fondi.

Huwa ta’ sodisfazzjon għall-MEUSAC li bħala aġenzija qiegħda tikkontribwixxi biex il-fondi Ewropej mhux biex jintużaw, imma jintużaw b’mod għaqli għall-iskopijiet li għalihom jingħataw. Mill-2008 ’l hawn, il-MEUSAC assista ’l fuq minn 380 organizzazzjoni, fosthom għaqdiet volontarji, kunsilli lokali u entitajiet pubbliċi sabiex jiksbu madwar €44 miljun taħt diversi programmi ta’ fondi Ewropej. Dan ikompli juri l-impenn tal-aġenzija biex aktar organizzazzjonijiet ikomplu jibbenefikaw minn fondi Ewropej.

Għal aktar informazzjoni u assistenza dwar fondi Ewropej tistgħu ċċemplu lill-MEUSAC fuq 2200 3300 jew tibagħtu email funding.meusac@gov.mt. Is-sit elettroniku tal-MEUSAC hu meusac.gov.mt.

Spread the love
« Back

Leave a Reply

XHTML: You can use these tags: <a href="" title=""> <abbr title=""> <acronym title=""> <b> <blockquote cite=""> <cite> <code> <del datetime=""> <em> <i> <q cite=""> <s> <strike> <strong>