Protezzjoni akbar għall-konsumatur Ewropew

Artiklu miktub minn Mark Abdilla – Uffiċjal Esekuttiv, MEUSAC
Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 16.04.18

Din is-sena, is-Suq Uniku Ewropew jagħlaq 25 sena minn meta daħal fis-seħħ. Bħala rizultat ta’ dan, il-ħajja taċ-ċittadini u n-negozji Ewropej saret aktar faċli. Matul is-snin ġew adottati diversi liġijiet u standards biex jitneħħew l-ostakli għall-moviment ħieles tal-persuni, tal-prodotti, tas-servizzi u tal-kapital. Dawn il-25 sena wrew li Suq wieħed li jaqdi tajjeb lill-konsumaturi huwa element importanti għat-tkabbir tal-ekonomija Ewropea.

F’ekonomija li dejjem tinbidel bi prodotti u swieq ġodda li jsiru dejjem aktar kumplessi, huwa importanti li d-drittijiet tal-konsumaturi jiġu rispettati u mħarsa. Il-protezzjoni tal-konsumaturi Ewropej tiggarantilhom li jkunu f’pożizzjoni li jagħżlu dak li hu l-aħjar għalihom billi jkunu dejjem aktar infurmati dwar id-drittijiet tagħhom u jkunu jafu x’għandhom jagħmlu jekk dawn jinkisrulhom. L-UE twettaq dan billi tapplika standards f’diversi oqsma; minn ġugarelli u tagħmir elettroniku,  sa prodotti kożmetiċi u makkinarju fost l-oħrajn.

Waħda mill-funzjonijiet tal-MEUSAC hi li jara li individwi jkunu aġġornati dwar id-drittijiet tagħhom bħala ċittadini Ewropej. Dan l-aħħar saret sessjoni ta’ informazzjoni mill-MEUSAC  u l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA), li fiha ġew diskussi l-proposti l-ġodda għar-reviżjoni tal-liġi tad-drittijiet tal-konsumatur.

It-tibdil fil-liġi eżistenti qiegħed jiġi propost sabiex jitħarsu dejjem aktar l-interessi tal-konsumaturi f’kull settur, speċjalment dak diġitali. Waqt il-laqgħa, id-direttur għall-Infromazzjoni, l-Edukazzjoni u r-Riċerka fi ħdan l-MCCAA, Odette Vella, semmiet kif l-emendi u l-proposti l-ġodda ser ikunu qegħdin jilħqu bilanċ bejn l-interessi tan-negozji u dawk tal-konsumaturi fl-Istati Membri kollha tal-UE.

Waħda mil-proposti ser tkun qiegħda tindirizza d-differenza fil-multi imposti minn pajjiżi differenti meta jinkisru r-regolamenti. Bħalissa, ċerti pajjiżi jimponu multi iktar ħorox minn oħrajn għall-ksur tal-istess regolament. B’hekk il-proposta għandha l-għan li tirregola l-multi imposti fit-28 Stat Membru, u tassigura li kemm il-konsumaturi kif ukoll in-negozjanti jkunu qegħdin jiġu trattati l-istess madwar l-UE.

Matul din is-sessjoni ta’ informazzjoni ġew diskussi wkoll il-proposti li qiegħda tressaq il-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tat-trasparenza fit-tranżazzjonijiet onlajn. Il-Kummissjoni trid li l-konsumaturi jkollom iktar informazzjoni dwar il-prodotti jew servizzi li jkunu qegħdin jixtru sabiex ikunu jafu jekk humiex protetti mil-liġi tal-UE jew le.

Il-Kummissjoni trid tirregola wkoll is-servizzi onlajn mogħtija mingħajr ħlas. Bħalissa ma hemm l-ebda liġi li tipproteġi lill-konsumatur fir-rigward ta’ dawn is-servizzi. Għalhekk, dawn il-proposti qegħdin isiru sabiex min jipprovdi dawn is-servizzi jkollu l-obbligu li jipprovdi xi tip ta’ kuntratt minħabba li għalkemm is-servizzi jingħataw mingħajr ħlas, l-abbonati jintalbu jipprovdu l-informazzjoni personali.

Il-Marka CE u r-RAPEX
Il-marka CE hija indikatur ewlieni li prodott ikun konformi mal-liġijiet tal-UE u tgħin biex il-prodotti jkunu jistgħu jinbiegħu faċilment fis-suq Ewropew. Bil-marka CE fuq il-prodott, il-manifattur ikun qiegħed jiddikjara li l-prodott qieħed iħares il-liġijiet kollha Ewropej u b’hekk il-prodott jista’ jinbiegħ maż-Żona Ekonomika Ewropea kollha (it-28 Stat Membru tal-UE, l-Iżlanda, in-Norveġja u l-Liechtenstein). Il-prodotti kollha bil-marka CE jkunu għaddew minn evalwazzjoni qabel ma jitqiegħdu fis-suq.

Sabiex tassigura li ma jkunx hemm prodotti perikolużi fis-suq, il-Kummissjoni Ewropea għandha sistema msejħa RAPEX (Rapid Alert System for Non-Food Consumer Products), li biha l-Istati Membri jistgħu jaqsmu bejniethom informazzjoni dwar prodotti li jistgħu jkunu ta’ periklu għall-konsumaturi Ewropej u b’hekk tittieħed azzjoni, bħal meta jiġu revokati prodotti mis-suq.

Iktar informazzjoni fuq il-Marka CE u fuq is-sistema RAPEX, ser tingħata fil-ġimgħat li ġejjin f’sessjoni ta’ informazzjoni għall-pubbliku organizzata mill-MEUSAC u l-MCCAA.

Għal aktar informazzjoni dwar id-drittijiet tal-konsumaturi, wieħed jista’ jikkuntattja l-MEUSAC f’280, Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta, bl-email info.meusac@gov.mt jew bit-telefon 2200 3300.

« Back