Miżuri tal-UE kontra l-kontenut illegali onlajn

Ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 02.04.18

Il-Kummissjoni Ewropea irrakkomandat sett ta’ miżuri li għandhom jgħinu lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE) biex jintensifikaw il-ħidma tagħhom kontra l-kontenut illegali onlajn.

Il-kontenut illegali jista’ ikun ta’diversi tipi bħal propoganda favur it-terroriżmu, l-inċitament għall-mibegħda u l-vjolenza, il-bejgħ u r-reklamar ta’ prodotti ffalsifikati, kif ukoll il-ksur tad-drittijiet tal-awtur. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni jibnu fuq il-prijoritajiet kurrenti tal-industrija u fuq il-ħidma li diġà qiegħda ssir bħalissa fil-konfront tal-kontenut illegali mill-industrija tal-informatika. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet, minbarra li japplikaw għall-Istati Membri u l-awtoritajiet tagħhom, japplikaw ukoll għall-kumpaniji tal-internet.

Ir-rakkomandazzjonijiet li qed isiru mill-Kummissjoni jistipulaw diversi miżuri biex jiġi identifikat kontenut illegali onlajn u, sussegwentement, jitneħħa malajr kemm jista’ jkun. Qiegħed jiġi rakkomandat ukoll li tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn il-kumpaniji u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, u biex tiżdied it-trasparenza u s-salvagwardji għaċ-ċittadini.

Fost il-miżuri proposti mill-Kummissjoni, insibu li l-kumpaniji jkunu jridu jistabbilixxu regoli trasparenti u faċli biex jinnotifikaw dwar kontenut illegali. Dan għandu jsir flimkien ma’ dawk li jipprovdu l-kontenut sabiex l-illegalità tal-kontenut tiġi assigurata qabel ma dan jitneħħa mill-internet. Il-miżuri jħeġġu wkoll għal iktar koperazzjoni bejn awtoritajiet tal-infurzar fi Stati Membri differenti. Din il-koperazzjoni tinkludi l-qsim ta’ informazzjoni u għarfien permezz ta’ komunikazzjoni msaħħa bejniethom.

Fir-rakkomandazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni indikat ukoll li jistgħu jkunu meħtieġa miżuri oħra biex jitneħħa kontenut illegali mill-internet, fosthom miżuri leġiżlattivi. Il-pjattaformi onlajn bħal Facebook u Twitter li jintużaw biex imexxu dan il-kontenut, qed jiġu mħeġġa wkoll biex iżidu u jħaffu l-isforzi tagħhom biex malajr kemm jista’ jkun jipprevjenu, jaqbdu u jneħħu kontenut illegali onlajn, b’mod partikolari dak marbut mat-terroriżmu.

Il-kontenut terroristiku onlajn joħloq riskju kbir partikolarment għas-sigurtà taċ-ċittadini Ewropej u għandu jiġi trattat b’ urġenza kbira biex ma jkomplix jinfirex. Dan il-kontenut jista’ jikkonsisti fi propoganda terroristika, materjal li jinċita l-mibegħda, jew kull tip ta’ kontenut ieħor li b’xi mod jew ieħor iħeġġeġ lin-nies biex iwettqu atti ta’ terroriżmu. Il-Kummissjoni qed tirrakkomanda miżuri speċifiċi biex tikkumbatti dan it-tip ta’ terroriżmu li jagħmel l-iktar ħsara sa mill-ewwel siegħa li jitla’ fuq l-internet. Għalhekk waħda mill-miżuri tistipula li l-kumpaniji kollha għandhom ineħħu dan il-kontenut fi żmien siegħa minn xħin jitla’. Il-kumpaniji għandhom ukoll jimplimentaw miżuri proattivi, fosthom li jkollhom sistemi li jaqbdu l-kontenut awtomatikament u li jneħħuh b‘mod effettiv u malajr. Huma għandhom ukoll iwaqqfu l-kontenut milli jerġa’ jitfaċċa, ladarba jkun tneħħa.

Il-miżuri kontra l-kontenut terroristiku jsegwu d-diskussjonijiet li kienu saru fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2017. F’din il-laqgħa, il-kapijiet ta’ Stat  jew Gvern tal-Istati Membri kkundannaw it-terroriżmu u enfasizzaw l-importanza li l-ġlieda kontra t-terroriżmu tkompli tissaħħaħ. Il-ġlieda kontra l-kontenut terroristiku onlajn hi parti importanti minn dan kollu. Din ukoll turi l-importanza u l-bżonn ta’ koperazzjoni b’saħħitha bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari l-qsim ta’ tagħrif bejn awtoritajiet u kumpaniji differenti. Il-kooperazzjoni f’dan il-qasam bejn l-Istati Membri hija eżempju ieħor ta’ kif l-UE tista’ żżid il-valur ta’ azzjonijiet li jittieħdu bmill-Istati Membri.

Spread the love
« Back

Leave a Reply

XHTML: You can use these tags: <a href="" title=""> <abbr title=""> <acronym title=""> <b> <blockquote cite=""> <cite> <code> <del datetime=""> <em> <i> <q cite=""> <s> <strike> <strong>