Erbatax-il sena sħubija fl-UE

Fl-1 ta’ Mejju, minbarra li niċċelebraw Jum il-Ħaddiem, infakkru wkoll l-14-il anniversarju ta’ sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea (UE).

Kien proprju fl-1 ta’ Mejju tal-2004 meta Malta u disa’ pajjiżi oħra, sirna Stati Membri tal-UE. Dakinhar, pajjiżna ssieħeb f’Unjoni li twaqqfet biex tħaddan il-valuri tal-paċi, is-solidarjetà, ir-rispett lejn id-dinjità u d-drittijiet umani, l-ugwaljanza u l-ġustizzja soċjali, fost l-oħrajn. Kienu dawn il-valuri li wasslu lill-mexxejja fundaturi ta’ sitt pajjiżi Ewropej biex jingħaqdu flimkien u jaħdmu biex jibnu l-proġett Ewropew, biex iwettqu l-ħolma li jaraw Ewropa magħquda. U kienet id-Dikjarazzjoni ta’ Robert Schuman fid-9 ta’ Mejju 1950, li dak iż-żmien kien il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Franċiż li tat l-aħħar spinta għal-Ewropa ‘Magħquda fid-Diversità’. Dan niċċelebrawh fid-9 ta’ Mejju, f’Jum l-Ewropa.

Illum, iktar minn qatt qabel, l-Ewropa qiegħda tiffaċċja diversi sfidi biex twettaq fil-prattika l-ideali li sawruha u biex tkompli tibni l-proġett Ewropew li beda 68 sena ilu. Minkejja ċ-ċokon ta’ pajjiżna, nistgħu ngħidu li dawn l-14-il sena ta’ sħubija wrew li pajjiżna kapaċi jikkontribwixxi tajjeb u jagħmel differenza fid-diversi livelli tal-ħidma tal-UE.

Meta Malta ssieħbet fl-UE 14-il sena ilu, is-sitwazzjoni kienet differenti mil-lum. L-UE tal-lum qed tiffaċċja sfidi bħal dawk tas-sigurtà marbuta mal-fenomenu tal-immigrazzjoni u theddida dejjem tikber tat-terroriżmu li qed joħolqu dubji serji fuq il-valuri fundamentali tal-UE bħall-moviment ħieles tal-persuni. Illum, l-UE għaddejja minn proċess ta’ riflessjoni dwar il-futur tagħha, biex issib soluzzjonijiet konvinċenti li jagħmluha aktar Unjoni.

Id-deċiżjoni li ħa l-elettorat biex ir-Renju Unit ma jibqax Stat Membru tal-UE mis-sena d-dieħla, żgur li se tħalli impatt fuq il-futur tal-UE. U dan huwa fattur ieħor importanti fl-istorja tal-UE, li jekk ma ħareġ xejn pożittiv minnu, qajjem dibattitu sħiħ dwar x’futur għandu jkollha. Dan id-dibattitu huwa ħaj ukoll f’Malta; dibattitu li fih il-MEUSAC qiegħed ikollu sehem importanti.

Il-MEUSAC twaqqaf biex iservi ta’ forum għall-konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili, u jħaddem mekkaniżmi li jiżguraw li l-vuċi tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili Maltija titwassal fil-Kunsill tal-UE li jiġbor fih rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri kollha. Barra minn hekk, l-assistenza li jagħti l-MEUSAC biex jinkisbu l-fondi tal-UE qed isservi ta’ għodda tajba għall-għaqdiet mhux governattivi u l-kunsilli lokali biex jimmassimizzaw il-potenzjal tagħhom u jipparteċipaw fi proġetti li jtejbu l-ħajja taċ-ċittadini.

Wara li s-sena l-oħra, il-MEUSAC twaqqaf bħala aġenzija tal-gvern, qegħdin insaħħu r-rwol li nipprovdu l-informazzjoni dwar l-UE liċ-ċittadini, biex nieħdu l-aħjar mis-sħubija. Minn din is-sena, b’għajnuna mill-Kummissjoni Ewropea, il-MEUSAC, qed iservi ta’ ċentru ta’ informazzjoni ‘Europe Direct’ mill-uffiċċji tiegħu fi Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta, flimkien ma’ żewġ ċentri oħra f’Malta u madwar 450 ċentru fl-UE kollha.

F’Malta għandna diversi uffiċċji oħra li jindirizzaw benefiċċji u drittijiet li daħlu maż-żmien għaċ-ċittadini Ewropej u li forsi mhux kulħadd għadu jaf bihom. Għaldaqstant, fid-9 ta’ Mejju f’Jum l-Ewropa se ntellgħu attività fi Pjazza Ħelsien, il-Belt Valletta, bejn id-9am u s-2pm li fiha se jkun hemm dawn iċ-ċentri ta’ informazzjoni miġburin flimkien u li l-pubbliku jkun jista’ jkun jaf aktar dwarhom u dwar is-servizzi li joffru. Inħeġġu lil dawk li jkunu l-Belt dakinhar biex jieħdu din l-opportunità.

Għal aktar informazzjoni tistgħu ċċemplu lill-MEUSAC fuq 2200 3300 jew tibagħtu email info.meusac@gov.mt. Is-sit elettroniku tal-MEUSAC hu meusac.gov.mt.

Artiklu miktub minn Joe Sciberras, Manager Communications and Events MEUSAC, ippubblikat fil-ġurnal L-Orizzont – 30 ta’ April 2018

« Back

Leave a Reply

XHTML: You can use these tags: <a href="" title=""> <abbr title=""> <acronym title=""> <b> <blockquote cite=""> <cite> <code> <del datetime=""> <em> <i> <q cite=""> <s> <strike> <strong>