Diskuss il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma għas-sena 2018

L-imsieħba soċjali jiddiskutu l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma għas-sena 2018

Il-membri tal-MEUSAC u tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali ngħaqdu għal laqgħa annwali konġunta dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma għas-Sena 2018.

L-imsieħba kienu mistiedna jiddiskutu d-dokument ta’ konsultazzjoni ppreżentat mill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna, li se jiġi sottomess lill-Kummissjoni Ewropea f’April li ġej.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia, li ppresieda l-laqgħa konġunta, qal li s-suċċess ekonomiku preżenti ta’ Malta jitlob li l-MCESD mhux biss jirreaġixxi għall-ħidma tal-bieraħ, iżda jaħdem, jiddiskuti u jipproponi fejn se mmorru għada, dan għaliex dan il-forum hu l-aqwa veikolu fejn jistgħu jiġu diskussi l-miri, l-andament u l-isfidi li għandna bħala pajjiż.

Aaron Farrugia qal li l-fondi Ewropej se jkomplu jintużaw biex jindirizzaw il-Country Specific Recommendations u r-riformi meħtieġa fis-settur pubbliku, kif ukoll investimenti f’oqsma fejn pajjiżna fadallu jimraħ fosthom ir-riċerka u l-innovazzjoni.

Is-Segretarju Parlamentari qal li hu sodisfatt jara li l-gvern qiegħed juri b’mod ċar li jrid lill-imsieħba soċjali miegħu għax b’hekk jintlaħqu l-aqwa riżultati ekonomiċi u soċjali kif inkisbu fl-aħħar żminijiet meta l-gvern kiseb kunsens wiesa fuq l-active labour market strategy u t-titjib fil-paga minima.

Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli qalet li l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma jirrappreżenta konsolidazzjoni ta’ proċess ta’ djalogu, kemm mal-istituzzjonijiet Ewropej, kemm mal-entitatjiet governattivi, kif ukoll mal-imsieħba soċjali. Hija fakkret li iktar ma jkun hemm strateġija, implimentazzjoni u djalogu soċjali, pajjiżna jirċievi inqas rakkomandazzjonijiet speċifiċi, u jikseb iktar riżultati konkreti, tkabbir dinamiku, xogħol, kif ukoll prospetti fiskali pożittivi.

Il-Minsitru Dalli qalet ukoll li l-MCESD u l-MEUSAC għandhom itellgħu iktar laqgħat konġunti peress li ħafna drabi jiddiskutu suġġetti komuni. Helena Dalli rrakomandat b’mod partikolari li d-diskussjoni dwar il-qafas finanzjarju multiannwali, l-MFF, tkun waħda konġunta peress li tolqot b’mod dirett lill-imsieħba soċjali kollha.

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna spjega li l-programm jiffoka primarjament fuq l-implementazzjoni ta’ żewġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi (Country Specific Recommendations) u dwar kif għaddejjin fil-proċess biex jinkisbu l-miri stabbiliti mill-Unjoni Ewropea għas-sena 2020.

Il-Ministru Scicluna ta ħarsa ġenerali lejn it-twettiq ekonomiku robust tal-pajjiż bid-dinamiżmu pożittiv tas-suq tax-xogħol, tkabbir qawwi fil-ħolqien tax-xogħol flimkien ma’ rekord ta’ kemm huwa baxx in-numru ta’ nies li qegħdin ifittxu x-xogħol. Ma’ dan irid jiżdied ukoll l-mod strateġiku li bih qed joktor il-potenzjal produttiv filwaqt li tkun sostnuta prudenza fil-politika fiskali.

Il-Ministru għall-Finanzi enfasizza li għat-tieni sena konsekuttiva s-settur pubbliku kien kapaċi jirreġistra surplus fiskali, anke meta teskludi d-dħul mill-International Investor Programme (IIP).

Il-Ministru Scicluna rrimarka wkoll li Malta rnexxielha tnaqqas in-numru ta’ nies fir-riskju ta’ faqar. Huwa spjega wkoll li wara t-traspożizzjoni tad-direttiva magħrufa bħala Anti-Money Laundering Directive (AMLD IV), twaqqaf il-Kumitat Nazzjonali ta’ Kordinament biex isaħħaħ is-superviżjoni u l-koperazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji biex ikunu kumbattuti l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu.

« Back