Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-UEFA għat-tisħiħ tal-isport

Artiklu miktub minn James Azzopardi, Uffiċjal Eżekuttiv, MEUSAC li deher fil-ħarġa tal-magazine ‘Sportiv’ (Marzu 2018)

L-Unjoni Ewropea (UE) toffri diversi opportunitajiet liċ-ċittadini biex jagħmlu differenza fil-komunitajiet tagħhom f’diversi setturi, fosthom anki dak sportiv.

Minbarra l-ħafna opportunitajiet u fondi għal proġetti sportivi li toffri, l-UE tfittex ukoll li tilħaq ftehimiet ma’ organizzazzjonijiet sportivi kontinentali biex issaħħaħ diversi aspetti tal-isport, fosthom l-integrità, l-inklużjoni, ir-rispett għad-drittijiet umani u l-governanza tajba.

Ix-xahar li għadda, l-UE u l-UEFA ġeddew ftehim li kien intlaħaq l-ewwel darba fl-2014. Dan it-tiġdid, li jwassal sa tmiem l-2020, jiffoka fuq il-koperazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-UEFA, u hu bbażat fuq “ix-xewqa komuni tal-promozzjoni tal-valuri soċjali fl-isport, u s-salvagwardjar tal-prinċipji tal-ġustizzja u tal-inklużjoni fl-isport, b’mod partikolari fil-futbol”.

Fimkien mal-President tal-UEFA, Aleksander Čeferin, l-Ewwel Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea, Frans Timmermans u l-Kummissarju għall-Edukazzjoni, il-Kultura, iż-Żgħażagħ u l-Isport, Tibor Navracsics ikkommettew l-entitajiet li jirrappreżentaw għal aktar ħidma f’dan l-isport tant popolari fl-Ewropa u fid-dinja.

Il-Viċi President Timmermans kompla ma’ kliem il-President tal-UEFA Čeferin, u stqarr li filwaqt li jinsab kuntent li dan il-ftehim mal-UEFA ġie mġedded, hu jħoss li flimkien, il-Kummissjoni Ewropea u l-UEFA jinsabu f’pożizzjoni tajba biex jaħdmu flimkien u “jiġġieldu r-razziżmu u d-diskriminazzjoni, u jippromwovu s-solidarjetà, is-sostenibbiltà u l-ugwaljanza” fil-futbol. Timmermans semma’ wkoll li l-futbol hu negozju kbir traskonfinali fid-dinja , u għalhekk, din il-koperazzjoni għandha wkoll tkompli l-ħidma konġunta fis-settur tas-sigurtà.

Il-Kummissarju Navracsics min-naħa tiegħu għaraf li l-logħba tal-futbol tmur lil hinn minn sempliċi attività, iżda hu mod ta’ kif popli jistgħu jingħaqdu u li dan it-tiġdid se jsarraf f’iktar ħidma f’dan ir-rigward.

Minbarra l-aspett soċjokulturali, it-tiġdid tal-ftehim juri wkoll li ż-żewġ partijiet għandhom interess li jinkoraġġixxu aktar taħriġ u żvilupp, partikolarment għall-plejers tal-futbol. Biex dan iseħħ, kemm il-Kummissjoni Ewropea u kif ukoll il-UEFA stqarrew li se jkomplu jiżguraw li klabbs żgħar ikollhom inċentivi kemm finanzjarji u anki sportivi biex jinvestu fit-taħriġ tal-atleti tagħhom.

Fatt ieħor interessanti hu li fil-ftehim hemm punti li jirrigwardaw il-EURO 2020, li se jkun l-ikbar avveniment transkonfinali li qatt sar fl-istorja mhux biss il-futbol, iżda tal-isport. Fil-fatt, din il-kompetizzjoni se ssir mhux f’pajjiż wieħed biss, iżda se ssir madwar tnax-il belt minn tnax-il pajjiż differenti: Londra, Baku, Munich, Ruma, Saint Petersburg, Amsterdam, Bilbao, Bucharest, Budapest, Copenhagen, Dublin u Glasgow.

Sintendi, avveniment kbir bħal dan żgur li se jinvolvi ħafna ppjanar u involviment f’diversi setturi, u għalhekk, il-koperazzjoni bejn l-organizzaturi (fosthom il-UEFA) u l-pajjiżi parteċipi se tkun kruċjali. Għaldaqstant, it-tiġdid se jservi wkoll biex dan l-avveniment u l-opportunitajiet li jirrappreżenta jkunu xprunati bl-aħjar mod possibbli.

Fil-fatt, il-Kummissjoni u l-UEFA jaqblu dwar l-importanza li l-EURO 2020 jirrappreżenta l-ippjanar ta’ avveniment li għandu jħalli wirt pożittiv sostenibbli u soċjalment responsabbli u li, filwaqt li fl-istess ħin jindirizza sfidi bħall-ivvjaġġar bla xkiel bejn il-fruntieri, u s-sigurtà tal-parteċipanti u l-partitarji.

Tajjeb li nsemmu li l-UEFA ilha tikkontribwixxi għall-attivitajiet tal-UE għal diversi snin. Fil-fatt, il-UEFA tappoġġja l-wegħda tal-Kummissjoni Ewropea għal governanza tajba fl-isport, u s-sena li għaddiet approvat riformi f’dan il-qasam. Il-UEFA hi wkoll kontributur għall-Ġimgħa Ewropea tal-Isport (European Week of Sport) tal-Kummissjoni Ewropea u l-ftehim saħansitra jistqarr li l-Kummissjoni Ewropea u l-UEFA se jibqgħu jaħdmu flimkien f’din il-kampanja u inizjattivi simili.

« Back